Turist ta’ 24 sena li allegatament kien imbuttat minn pulizija, fil-Qorti qal li ma kellu “ebda alternattiva” ħlief li jammetti l-ħtija li hedded pulizija nkella kien ikollu jibqa’ f’Malta biex il-każ tiegħu jingħata lil ħaddieħor.
Suleyman Omar Ahmed, oriġinarjament mis-Somalja imma li bħalissa qed jisstudja f’Università fir-Renju Unit, tressaq il-Qorti b’akkużi li hedded lil pulizija, li rreżista l-arrest, li kiser il-paċi pubblika u li kien fis-sakra fil-pubbliku. L-inċident seħħ f’Paceville għall-ħabta tat-3.30am.
Fil-Qorti ntqal li t-turist kien ma’ sħabu fi klabb f’Paceville meta ħareġ biex jiġbed xi flus imma l-bouncers ma ħallewhx jerġa’ jidħol għal ebda raġuni. Kien hawn li ssejħet il-Pulizija u skont l-akkużat, sawtuh u darbuh b’mod ħafif. It-turist ittieħed lura fil-lukanda f’Tas-Sliema fejn kien qed joqgħod meta għajjat lura offiża lil pulizija u reġa’ ġie arrestat.
L-avukat tad-Difiża, Leontine Calleja, oriġinarjament kienet tisħaq li t-turist ma kienx ħati u argumentat li hu insulenta lill-pulizija fil-kuntest ta’ allegat attakk mill-pulizija. Kienet talbet għal xhieda biex jagħtu l-provi peress li l-akkużat kellu titjira x’jaqbad il-Ħamis.
Il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona rrifjuta li jisma’ x-xhieda għax qal li ladarba l-akkużat ċaħad l-akkużi, il-każ kellu jinstema’ quddiem Qorti oħra. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni li argumentat kontra li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest peress li kien se jħalli Malta nhar il-Ħamis.
L-avukat tad-Difiża għalhekk saħqet li l-klijent tagħha ma kellu ebda għażla ħlief li jiddikjara li hu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih biex ma jibqax miżmum arrestat u jitlef it-titjira li għandu sakemm il-każ jiġi assenjat quddiem Qorti oħra. L-akkużat ingħata multa ta’ €800 u ngħata l-libertà kkundizzjata għal sitt xhur.
//= $special ?>
