Student Amerikan, Otto Warmbier ta’ 21 sena, kien kundannat għal 15-il sena xogħol iebes minn qorti f’Pyongyang.
Dan wara li nstab ħati ta’ “reati serji kontra l-Istat”. L-akkuża feġġet minn inċident f’Jannar meta Warmbier inqabad jieħu bandiera politika minn ma’ ħajt fil-Yanggakdo International Hotel f’Pyongyang fejn kien qed joqgħod.
Ftit ġranet ilu hu deher fuq it-televiżjoni Koreana jibki u jammetti l-ħtija u jgħid li għamel dak li għamel għax ried jieħu souvenir miegħu lura l-Istati Uniti.
Warmbier, student mill-Universita ta’ Virginia, kien arrestat fit-2 ta’ Jannar u akkużat li wettaq “atti ostili” hekk kif kien se jitlaq mill-Korea ta’ Fuq. Skont il-midja tar-reġim, intqal li hu kien mar il-Korea ta’ Fuq “biex ikisser l-għaqda tal-pajjiż” u li kien manipulat mill-Gvern Amerikan.
L-awtoritajiet Amerikani diġà bdew negozjati mal-Korea ta’ Fuq biex jippruvaw jiksbu l-ħelsien ta’ Warmbier.
15-il sena xogħol iebes talli qaċċat bandiera tal-Korea ta’ Fuq
