Lokali Sport

Atleti Maltin b’suċċess il-Liverpool Half Marathon

Ġimgħatejn biss wara l-parteċipazzjoni fil-Malta Half Marathon, ħames atleti mill-Agones Sfc (Malta) ġrew għall-ewwel darba l-Liverpool Half Marathon li saret il-Ħadd 13 ta’ Marzu.

Il-ħames atleti rnexxielhom jispiċċaw it-tellieqa fejn ukoll tejbu l-ħinijiet li kienu kisbu waqt il-Maratona ta’ Malta. Justin Gauci kiseb l-aħjar hin fost l-atleti Maltin meta tem mil-ġirja fil-ħin ta’ 1:30:16 segwit minn Antoine Calleja bil-hin ta’ 1:45:02. Joseph Grima, Rachel Willams u Miriam Abela Orland spiċċaw it-tellieqa f’2:11:43, 2:20:40 u 2:23:13 rispettivament. F’din il-ġirja ħa sehem ukoll atleti Malti David Leone Ganado b’mod privat li għamel it-tellieqa f’1:31:29

Il-ġirja bdiet minn Pier Head, sit storiku mħares mill-UNESCO. Minn hemm l-atleti ġrew qalb uhud mit-toroq fiċ-ċentru ta’ Liverpool qabel daħlu f’Sefton Park. Minn hemm ir-rotta ħadet lill-atleti lejn Otterspool Park qabel spiċċaw max-xatt tax-xmara Mersey għall-aħħar kilometri tat-tellieqa.

Il-parteċipazzjoni f’din il-Half Marathon bdiet minn ħbiberija bejn tliet atleti, Rachel Williams, Antoine Calleja u Joseph Grima, ilkoll segwaċi ta’ Liverpool FC. Huma xtaqu li jesperjenzaw waħda mill-attivitajiet sportivi kbar li jsiru f’din il-belt apparti l-futbol u wkoll jipprattikaw l-isport favorit tagħhom barra pajjiżna.

Agones Sfc tinkoraġġixxi lill-atleti tagħha biex jieħdu sehem f’avvenimenti barra l-pajjiż għax dan joffri sfida u sodisfazzjoni personali kif ukoll tkabbar l-esperjenza tal-atleti involuti.