L-Oppożizzjoni esprimiet fil-Parlament is-sodisfazzjon tagħha li l-Gvern irtira żewġ Avviżi Legali li kien ippubblika f’Awwissu li għadda u li kienu jagħtu dritt lill-Gvern li fi żvilupp li għandu x’jaqsam ma’ sptarijiet, jiġi eżentat mill-ħtieġa ta’ permess għal żvilupp u mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-istudju neċessarji dwar l-impatt ambjentali.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, u d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, tkellmu kontra l-Avviżi Legali li ppubblika l-Gvern is-sena l-oħra, u li fl-aħħar jiem ġew irtirati, meta ressqu fil-Parlament għad-diskussjoni l-mozzjoni li kienu ppreżentaw f’isem l-Oppożizzjoni s-sena li għaddiet ftit wara li kienu ppubblikati l-Avviżi 262 u 263.
Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kienet qed titlob biex dawn l-Avviżi Legali jkunu revokati u annullati.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli spjegat li dawn l-Avviżi Legali ma messhom qatt saru. L-Oppożizzjoni temmen li l-affarijiet dejjem iridu jsiru sew għaliex meta jibdew jinqatgħu l-kantunieri, jibda l-abbuż.
L-Oppożizzjoni tiddikjara wkoll li dawn iż-żewġ avviżi legali jmorru kontra d-direttivi tal-UE.
Quddiem l-ispjega li ta l-Gvern li dawn l-Avviżi Legali saru bi skop tajjeb, Marthese Portelli saħqet u appellat lill-Gvern għal politika b’viżjoni u pjan fit-tul.
Fissret li meta jsir ippjanar fit-tul ma jkunx hemm il-bżonn li Gvern ineħħi n-notifikazzjonijiet u l-istudji ambjentali. Dan jgħin biex kull żvilupp isir bl-anqas ħsara ambjentali.
Sptarijiet ma jistgħux jiġu awtonatikament eżentati minn proċessi ta’ żvilupp
Irrimarkat ukoll li d-direttivi Ewropej jitkellmu ċar li sptarijiet ma jistgħux jiġu awtonatikament eżentati minn proċessi ta’ żvilupp, għaliex meta jkun hemm ċirkustanzi ta’ emerġenza, id-direttivi Ewropej jaħsbu wkoll għal każi eċċezzjonali li għandhom jiġu evalwati fl-intier ta’ kull każ.
Innutat li l-Gvern għaraf li l-osservazzjonijiet tal-Oppożizzjoni kienu validi u qed jirtira dawn l-Avvizi Legali. B’riżultat ta’ dan, l-Oppożizzjoni qed tirtira din il-mozzjoni.
Il-Gvern jispjega li l-Avviżi Legali qatt ma ġie bżonnhom u waqqagħhom
Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri fissret li f’Awwissu ddaħħlu dawn iż-żewġ Avviżi Legali fid-dawl tal-eżerċizzju li kien qed isir meta dakinhar kien qed jidher li huma meħtieġa bidliet fl-istrutturi tal-bini tal-Isptar Mater Dei. Fissret li dawn il-bidliet il-Gvern ried jagħmilhom mingħajr ma jgħadid ħafna żmien biex jittranġaw ħsarat f’Mater Dei.
Semmiet ukoll li l-Gvern qatt ma ġie bżonn dawn l-Avviżi Legali u llum m’għandniex aktar bżonnhom u diġà waqqagħhom.
Semmiet li l-Gvern illum għandu proġetti fl-isptarijiet f’Malta u f’Għawdex li se jitwettqu fuq tliet snin u fuq għaxar snin.
Tneħħew fuq l-insistenza tal-Oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li dawn l-Avviżi Legali kienu annullati mill-Gvern stess b’riżultat tal-insistenza u l-appelli li saru mill-bidu li ġew ippubblikati, kemm l-Oppożizzjoni li ressqet mozzjoni fil-Parlament biex jiġu annullati ż-żewġ Avviżi Legali, kif ukoll is-soċjetà ċivili u l-għaqdiet ambjentali li fissru bħala ġennata li jinbena sptar mingħajr permess tal-iżvilupp u mingħajr l-istudji fuq l-impatt ambjentali.
Ikkritika li l-Avviżi Legali kienu żball sa mill-bidu għaliex meta jkun hemm permess għal żvilupp, ikun qed jiġi assigurat ukoll is-serħan il-moħħ tal-pazjent, u jkun qed jiġi mħares ukoll l-interessi tar-residenti u tal-ħaddiema kollha fl-isptarijiet.
Mozzjoni tal-Oppożizzjoni li ħarset ukoll l-impatt ambjentali għaliex il-Ministru kien se jkollu dritt milli jeżenta żvilupp fi sptar minn studji ambjentali.
Ryan Callus saħaq ukoll li Malta għandha tirrispetta l-liġijiet u d-direttivi Ewropej u mhux tmur kontrihom.
//= $special ?>