Futbol Sport

Bayern jirbħu 4-2 kontra Juventus

CHAMPIONS LEAGUE – FAŻI TAL-AĦĦAR 16 – II LEG
Minkejja l-wirja qalbiena li kellhom, Juventus sfaw eliminati miċ-Champions League b’telfa ta’ 4-2 barra minn darhom kontra Bayern Munich wara li l-partita marret fil-ħin barrani.

L-andament tal-logħba kien eżatt bħal dak tal-ewwel leg imma bil-kontra. Din id-darba kienu Juventus li bnew vantaġġ ta’ żewġ gowls barra minn darhom u Bayern Munich salvaw draw fit-tieni taqsima u sfurzaw il-ħin barrani.

Juventus, li kellhom tliet plejers importanti neqsin (Chiellini, Marchisio, Dybala) , mal-ewwel ħarġu jattakkaw u wara biss ħames minuti fetħu l-iskor. Alaba naqas milli jikklirja cross ta’ Khedira u dawn it-tnejn tfixklu f’xulxin u l-midfielder POGBA, li jum qabel kien għalaq sninu, approfitta minn dan l-iżball u tefa’ f’xibka vojta biex poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ. Wara dan il-gowl Bayern dehru maħsuda u bdew jiżbaljaw fit-tqassim tagħhom u fit-28 minuta l-Bianconeri rduppjaw l-iskor b’gowl mill-isbaħ.

Morata qabad ballun minn nofs grawnd u qabeż diversi avversarji qabel ma qassam lejn CUADRADO li daħal fil-kaxxa, evita difensur u għeleb lil Neuer b’xutt fis-saqaf tax-xibka.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Bayern ma tantx kienu perikolużi u kien biss 20 minuta mit-tmiem li dawn naqqsu d-distakk b’gowl tas-solitu LEWANDOWSKI li għeleb lil Buffon b’daqqa ta’ ras wara li rċieva cross mingħand Costa. Wara dan il-gowl Bayern komplew jippressaw u eżatt fil-ħin miżjud dawn skurjaw ieħor biex sfurzaw il-ħin barrani meta Coman tefa’ cross u sab lil MUELLER li b’daqqa ta’ ras tefa’ l-ballun fix-xibka.

Fil-ħin barrani Bayern skurjaw żewġ gowls oħra. Thiago ALCÁNTARA, li kien għadu kemm daħal jilgħab, bidel il-ballun ma’ Mueller u skurja b’xutt fil-baxx u żewġ minuti wara COMAN issiġilla l-konfront b’gowl mill-isbaħ hekk kif poġġa l-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Kif kien mistenni Barcelona ma tħabtux biex reġgħu għelbu lil Arsenal, din id-darba bi skor ta’ 3-1 fil-Camp Nou wara li fl-ewwel leg rebħu 2-0. Wara biss 18-il minuta l-Katalani kienu diġa’ minn fuq b’gowl ta’ NEYMAR li skurja mill-viċin.
Fil-bidu tat-tieni taqsima Arsenal ġabu d-draw b’gowl ta’ ELNENY li għeleb lil Ter Stegen b’xutt mill-isbaħ biex skurja l-ewwel gowl tiegħu f’din il-kompetizzjoni.
It-tamiet li forsi dawn idawwru r-riżultat ftit damu ħajjin għax Barcelona skurjaw ieħor permezz ta’ SUAREZ li sab ix-xibka b’volley mill-isbaħ. Is-solitu Lionel MESSI ssiġilla l-konfront b’gowl żewġ minuti mit-tmiem hekk kif qabbeż il-ballun minn fuq Ospina.
Il-Ġimgħa jittellgħu l-poloz tal-kwarti tal-finali u t-tmien timijiet li għaddew huma Barcelona, Bayern Munich, Benfica, Man City, PSG, Atletico Madrid, Wolfsburg u Real Madrid.