Lokali

Beppe Fenech Adami jiċħad kwalunkwe allegazzjoni mill-midja Laburista

Fi dritt għal tweġiba li l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami bagħat lill-ġurnal l-Orizzont, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista ċaħad kwalunkwe allegazzjoni li saret fil-konfront tiegħu fi storja li hemm fil-faċċata tal-istess gazzetta tal-lum 16 ta’ Marzu.

Beppe Fenech Adami spjega li d-dar fejn hu joqgħod, inxtrat minnu u minn martu fis-sena 1994, jiġifieri 22 sena ilu.

Meta nxtrat, Beppe Fenech Adami ma kienx Membru Parlamentari. Fil-fatt, hu sar Membru Parlamentari 14-il sena wara. Biex inxtrat din id-dar, hu u martu ħadu self minn bank lokali, u llum, 22 sena wara, dan is-self għadu qed jitħallas.

L-imsemmija proprjetà dejjem ġiet iddikjarata fid-dikjarazzjoni tal-assi kull sena minn kemm ilu li sar Membru Parlamentari.

Beppe Fenech Adami stqarr li huwa ma għandux kumpanija moħbija il-Panama u trust ġewwa n-New Zealand bħalma nqabdu li għandhom Konrad Mizzi u Keith Schembri – l-id il leminja u l-id ix-xellugija tal-Prim Ministru.