Internazzjonali

Clinton u Trump jibqgħu l-favoriti

Hillary Clinton u Donald Trump komplew isaħħu l-pożizzjoni tagħhom biex jirbħu l-kandidatura tal-partiti rispettivi tagħhom għall-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru, elezzjoni li fiha se jkun elett is-suċċessur ta’ Barack Obama li ġej mill-Partit Demokratiku.
Fl-elezzjonijiet interni ta’ nhar it-Tlieta, Donald Trump rebaħ elezzjoni deċiżiva fl-istat ta’ Florida imma tilef stat daqstant ieħor importanti, dak ta’ Ohio li ntrebaħ minn John Kasich, l-istat li tiegħu hu l-Gvernatur. Trump rebaħ ukoll fl-elezzjonijiet fl-istati ta’ Illinois u North Carolina.
Fuq in-naħa Demokratika, Hillary Clinton kompliet tissaħħaħ b’rebħiet fl-elezzjonijiet interni tal-Partit Demokratiku li saru fi Florida, Ohio, Illinois u North Carolina.
Sadattant Marco Rubio irtira mit-tellieqa Repubblikana wara li tilef fi Florida, l-istat fejn igħix.
Ir-rebħiet ta’ Trump kompla jkabbar l-uġigħ ta’ ras għall-Partit Repubblika għax ħafna mill-politiċi veterani tal-partit huma mħassba mit-ton u l-politika li jħaddan Trump.
Trump għal ftit rebaħ l-istat ta’ Missouri fejn ingħata battalja iebsa minn Ted Cruz, filwaqt l-istess għamel Bernie Sanders lil Clinton fl-istess stat.