Qorti

Diretturi tal-MFCC se jitressqu l-Qorti dwar inċident li seħħ fl-2014

Tliet diretturi, il-Kap Eżekuttiv u Manager taċ-Ċentru tal-Fieri u Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali se jitressqu l-Qorti sabiex iwieġbu għall-inċident li seħħ fl-2014 li fih kienu weġġgħu erba’ ħaddiema.
L-inċident kien seħħ f’Marzu tal-2014 meta ċediet struttura fuq il-palk waqt li kienu għaddejjin il-preparamenti għar-rock opera Ġensna. Id-diretturi Winston Zahra, Gerald Borg u Joseph Fenech, il-Kap Eżekuttiv Anita Mifsud u l-Projects Manager Mark Anthony Farrugia mistennija jiġu akkużati li b’mod involontarju ikkaġunaw ġrieħi gravi fuq ħaddiem u ġrieħi ħfief fuq tliet ħaddiema oħra.

Huma jinsabu akkużati wkoll li kkawżaw danni lill-kumpaniji Nexos u Ray Vella and Co Ltd u li kisru r-regolamenti dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-post tax-xogħol.

Emanuel Ronayne kien weġġa gravi u għal xi żmien kien ukoll f’qagħda kritika, kien ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-post tax-xogħol talli din naqset milli tinvestiga l-inċident.

Kaġun tal-inċident, Ronayne kellu bżonn intervent kirurġiku li fih tneħħietlu l-milsa u għadu għaddej minn trawma fiżiku u psikoloġiku.

Il-każ mistenni jinstema quddiem il-Maġistrar Consuelo Scerri Herrera fil-21 ta’ April. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Robert Vella.