Ritratt : Il-Kap tal-PN Simon Busuttil waqt il-programm ‘Dissett’
“Ma’ kull ġurnata li tgħaddi u ma jagħmel xejn, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikompli jdgħajjef il-pożizzjoni tiegħu stess”. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt il-programm ‘Dissett’ li matulu staqsa x’interess għandu Joseph Muscat fl-iskandlu tal-Panama.
Filwaqt li tenna li qed jagħmilha l-missjoni tiegħu li jnaddaf il-politika f’pajjiżna darba għal dejjem, Simon Busuttil staqsa jekk bħalissa pajjiżna għandux istituzzjonijiet b’saħħithom biex jiġġieldu l-korruzjoni.
Fil-każ tal-iskandlu tal-Panama, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama. Dawn infetħu wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern u wara li Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat marru l-Ażerbajġan bil-moħbi. Dan kollu fl-isfond tal-fatt li l-Panama hu magħruf għall-ħabi tal-flus. Quddiem dan l-ikbar skandlu li qatt ra pajjiżna, il-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma bediex jinvestiga l-każ.
Simon Busuttil qal li l-informazzjoni kollha tinsab fid-dominju pubbliku u għaldaqstant l-istituzzjonijiet għandhom jibdew jinvestigaw. Sitwazzjoni li qed twassal biex f’pajjiżna hawn parależi tal-istituzzjonijiet.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li d-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Konrad Mizzi ma tiġġustifikax il-ftuħ ta’ kumpanija sigrieta fil-Panama. Żied li jew il-Ministru fetaħ il-kumpanija biex iħallieha vojta u joqgħod iħares lejha, jew inkella se jimlieha bi flus maħmuġin. “La l-flus m’humiex fuq id-dikjarazzjoni tal-assi, allura sinjal li l-flus huma moħbija” sostna Simon Busuttil, li żied li dak li qal fil-Parlament jgħidu mingħajr biża’ waqt il-programm. Fid-dawl ta’ dan, il-Prim Ministru għandu jkeċċi kemm lil Konrad Mizzi kif ukoll lil Keith Schembri.
“Jekk l-id ix-xellugija u l-id il-leminija għandhom kumpaniji sigrieti, allura l-mistoqsijiet iqumu fuq il-persuna li hemm bejniethom” sostna Simon Busuttil. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva l-proċess ta’ awditjar bħala “ħrafa” peress li l-Prim Ministru m’għandu bżonn l-ebda ‘audit’ biex ikun jaf li dak li sar huwa ħażin.
Kien hawnekk fejn Simon Busuttil qal li s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż hi waħda gravi, bi tmexxija moralment ħażina peress li min qed imexxi mhux jagħmel id-differenza bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. “Nappella lill-Prim Ministru biex imexxi bl-eżempju” sostna Simon Busuttil li fakkar li l-provi dwar l-iskandlu tal-Panama qegħdin fil-pubbliku u dan b’ammissjoni ta’ Konrad Mizzi stess li fetaħ kumpanija fil-Panama.
“Fuq in-nuqqas ta’ korrettezza biss għandu jirriżenja” saħaq Simon Busuttil li żied li dwar jekk hemmx korruzzjoni jew le għandu jkun stabbillit mill-istituzzjonijiet li għandhom id-dover li jinvestigaw. “Kieku jiena nkun Prim Ministru nara li l-istituzzjonijiet jagħmlu x-xogħol tagħhom biex in-nies ikunu jistgħu jserrħu rashom,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi dwar Ann Fenech, Simon Busuttil qal li Ann Fenech m’għandiex ‘trusts’ għaliha personali bħal ma għandu Konrad Mizzi u żied li din kienet gidba mill-Partit Laburista biex jiddefendu lilhom infushom.
“Għall-korruzzjoni qed iħallsu n-nies, partikolarment min hu l-aktar vulnerabbli” sostna Simon Busuttil, li temm li hu daħal fil-politika biex jagħmel id-differenza bis-serjetà. “Qed nagħmilha l-missjoni tiegħi li nnaddaf il-politika darba għal dejjem, għax wasal iż-żmien li xi ħadd iqum u jagħmel hekk” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>


