Lokali

FILMAT : Roberta Metsola, Therese Commodini Cachia u Miriam Dalli jirbħu fl-‘MEP Awards’

F’ċerimonja li saret fi Brussell illejla, tliet Membri Parlamentari Ewropej Maltin rebħu awards u ġew onorati għall-ħidma tagħhom fil-Parlament Ewropew.

Fost dawn hemm iż-żewġ Ewroparlamentari nisa tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia. It-tielet unur ukoll intrebaħ minn MEP Maltija mara – Miriam Dalli, li tirrappreżenta lill-Partit Laburista.

It-tliet nisa rebħu premjijiet f’kategoriji differenti tal-‘MEP Awards’ – serata annwali li tkun organizzata mir-rivista ‘The Parliament Magazine’ u li din is-sena daħlet fit-tnax-il sena tagħha.

Roberta Metsola rebħet l-‘MEP of the Year award’ għat-tieni sena konsekuttiva. Hi ġiet rikonoxxuta għall-ħidma tagħha fil-qasam tal-ġustizzja u l-libertajiet ċivili. Waqt li Therese Comodini Cachia ġiet ippremjata bl-‘Award for Corporate Governance’ u Miriam Dalli rebħet l-‘Award for Energy’.

Ara l-ewwel reazzjonijiet tal-MEP’s f’dan il-link : 

Fl-ewwel reazzjoni tagħha, Metsola qalet li din hija ġurnata importanti għal Malta u kompliet li għalkemm il-ħidma fil-Parlament Ewropew tmur lil hinn mill-premjijiet, dejjem sabiħ meta tara x-xogħol tiegħek qed jiġi rikonoxxut. “Li tirbaħ l-award ta’ MEP tas-sena għat-tieni sena konsekuttiva hu verament unur kbir għalija,” sostniet Metsola. Waqt li żiedet tgħid li l-fatt li tliet MEPs Maltin jirbħu dawn l-unuri juri li d-daqs ta’ Malta mhux ta’ ostaklu għall-potenzjal tal-Ewroparlamentari tagħha, Metsola awgurat lill-kollegi tagħha li wkoll rebħu l-unuri.

Min-naħa tagħha, f’messaġġ tal-okkazjoni, Therese Comodini Cachia kkummentat dwar l-unur li rebħet u qalet li l-governanza korporattiva tajba u t-tisħiħ tat-trasparenza jerġgħu jibnu l-fiduċja fl-industrija u l-ekonomija Ewropea. Qalet li jeħtieġ negozji u SMEs li jirriflettu l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà u enfasizzat fuq l-importanza ta’ standards għoljin fil-governanza korporattiva u l-bilanċ bejn id-drittijiet u r-responsabbilitajiet tal-impjegati u min iħaddem. Comodini Cachia qalet li hi ferm kuntenta bir-rebħ tal-unur u bin-nomina, filwaqt li rringrazzjat lill-MEPs kollha li vvutawlha u lil oħrajn li kienu nnominati u rebħu xi unur.