Internazzjonali

Ikomplu l-atroċitajiet mill-ISIS

Estremisti tal-ISIS fis-Sirja qatgħu r-ras ta’ tifel ta’ 16 il-sena talli hu ma attendiex għat-talb tal-Iżlamiċi ta’ nhar il-Ġimgħa.

It-tifel kien arrestat fil-belt Sirjana ta’ Jarablus, fit-Tramuntana ta’ Aleppo u l-esekuzzjoni tiegħu saret fi żmien 24 siegħa mindu twettaq l-hekk-imsejjaħ ‘delitt’.

Ix-xhieda rrakkuntaw li l-ISIS kaxkru lit-tifel għal ġo pjazza fejn bojja li kien qed jistennih qatalu rasu quddiem folla mndaqqsa, bħala ‘twissija’ lil ħaddieħor biex ma jfallix mit-talb fil-moskea.

Jingħad li qabel inqatel, it-tifel kien suġġett għal ‘proċess tal-qorti’ li damet għal ftit minuti u sakemm ħarġet il-kundanna ‘inevitabbli’ skont l-interpretazzjoni tagħhom tax-Xarija, il-liġi Iżlamika. Il-belt ta’ Jarablus ilha mill-2013 taħt il-kontroll tal-ISIS.

L-att terribbli twettaq jiem biss wara rapporti li militanti tal-ISIS kienu sfurzaw tifla ta’ 12 il-sena biex toqtol b’tiri ta’ arma lil ħames nisa, f”esekuzzjoni’ oħra tipika tal-grupp terroristiku.