Il-Gvern Laburista nqabad f’gidba oħra, din id-darba dwar l-għoti taċ-Ċittadinanza u l-Passaport Malti lil multi-miljunarju Indjan li ħarab minn pajjiżu, fejn jinsab imfittex dwar akkużi ta’ korruzzjoni u tixħim. Dan joħroġ mill-media Indjana, li kellha wkoll konferma mill-Interpol.
Fil-bidu tax-xahar, Daphne Caruana Galizia żvelat fil-blog tagħha li f’Awwissu li għadda, Lalit Modi ġie Malta biex jiġbor il-Passaport Malti. Qalet li hu għadda mill-Ministerial Lounge fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn sab jistennieh xufier mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fil-blog, Caruana Galizia żvelat li Modi applika u xtara ċ-Ċittadinanza Maltija mlll-kumpanija Mossack Fonseca (Malta), li hi rappreżentata mill-kumpanija Nexia BT, li min-naħa tagħha tinsab f’nofs l-Iskandlu Panamagate.
Permezz ta’ stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern ċaħad li Lalit Modi qatt applika għaċ-Ċittadinanza Maltija. Min-naħa l-oħra, il-media Laburista qalet li Modi applika iżda ma ngħatax iċ-Ċittadinanza.
Madankollu, il-media Indjana issa kkonfermat li Lalit Modi mhux talli applika, iżda ingħata ċ-Ċittadinanza u l-Passaport Malti. Fil-fatt, portal Indjan jgħid li Modi issa hu Ċittadin ta’ Malta. Kienet l-Interpol li kkonfermat dawn l-aħħar żviluppi meta kkomunikat mad-Direttorat tal-Infurzar fil-Ministeru tal-Finanzi Indjan.
Għaldaqstant, l-Interpol u l-Ministeru tal-Finanzi Indjan giddbu għal kollox l-istqarrija tal-Gvern, li Modi qatt ma applika. Giddbet ukoll ir-rapporti tal-media Laburista, li Modi applika għaċ-Ċittadinanza u l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata.
Lalit Modi jinsab akkużat bi frodi, korruzzjoni u tixħim u fl-2010 ħarab mill-Indja lejn ir-Renju Unit, bl-awtoritajiet Indjani jispiċċaw jirtirawlu l-Passaport. Madankollu, hu rnexxielu jivvjaġġa lejn Malta b’dokument temporanju ta’ vjaġġar maħruġ mir-Renju Unit biex ġie pajjiżna u ġabar il-Passaport Malti.
Il-media Indjana kompliet tirrapporta li ċ-Ċittadinanza Maltija miksuba minn Modi tagħmilha aktar diffiċli li ssir l-estradizzjoni. Madankollu, id-Direttorat tal-Infurzar Indjan xorta se jkompli bit-talba biex Lalit Modi jiffaċċja l-ġustizzja.
Sadanittant, fi stqarrija Identity Malta reġgħet ċaħdet li Lalit Modi ngħata ċ-Ċittadinanza.
//= $special ?>

