Il-Parlament illejla approva bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, lil Anthony C. Mifsud bħala l-Ombudsman il-ġdid, lil Charles Deguara bħala l-Awditur Ġenerali ġdid, u lil Noel Camilleri bħala Deputat Awditur Ġenerali ġdid.
Wara li Joseph Said Pullicino l-ġimgħa li għaddiet temm it-tieni terminu tiegħu bħala Ombudsman, u skont il-liġi li fl-1995 waqqfet l-istituzzjoni tal-Ombudsman persuna fil-karga ta’ Ombudsman ma tistax iddum fil-kariga aktar minn 10 snin, bi qbil mal-Oppożizzjoni l-Gvern ressaq in-nomina ta’ Anthony C. Mifsud bex iservi għall-ħames snin li ġejjin bħala l-Ombudsman.
Anthony C. Mifsud serva għal dawn l-aħħar żewġ termini fil-kariga ta’ Awditur Ġenerali, li issa minfloku nħatar ukoll bl-approvazjzoni tal-Parlament Charles Deguara, li qabel kien qiegħed iservi bħala Deputat Awditur Ġenerali.
Fil-karga ta’ Deputat Awditur Ġenerali, il-Parlament approva lil Noel Camilleri, li kien fil-kariga ta’ Accountant General fid-Dipartiment tat-Teżor.
L-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u d-Deputat Awditur Ġenerali huma Uffiċjali tal-Parlament u l-ġatra tagħhom tkun teħtieġ l-appoġġ tal-anqas żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
Illejla, il-Parlament ivvota b’mod unanimu favur dawn il-ħatriet bħala Uffiċjali tal-Parlament.
Il-Ministru Leo Brincat, f’isem il-Gvern, ressaq it-tliet riżoluzzjonijiet bin-nomini tal-Uffiċjali l-ġodda tal-Parlament, li kienu sekondati mill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius.
Qabel ma ttieħed il-vot fuq dawn il-ħatriet, tkellmu għan-naħa tal-Gvern il-Ministru għall-Ambjent u Tibdil fil-Kima, Leo Brincat u għall-Oppożizzjoni l-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco.
20 sena mit-twaqqif tal-Ombudsman
Il-Ministru Leo Brincat tkellem dwar il-kariga importanti tal-Ombudsman li l-ħatra l-ġdida qed issir meta din l-istituzzjoni ilha diġà 20 sena mwaqqfa, u spjega li dan għandu jara li jkun hemm kontabbiltà fit-twettiq xieraq tal-mandat tiegħu, u dan b’riżorsi xierqa jekk irridu li din l-istituzzjoni tkompli tirnexxi.
Awgura kull suċċess lill-Uffiċjali ġodda tal-Parlament u appella biex inħarsu b’ottimiżmu lejn il-ġejjieni ta’ dawn l-istituzzjonijiet – tal-Ombudsman u tal-Awditur Ġenerali. Appella lill-poplu jifhem li l-Ombudsman jibqa’ awtonomu mill-Gvern u li jwieġeb lill-Parlament. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Leo Brincat tkellem fut-tul fuq il-kariga u l-funzjoni tal-Ombudsman.
Il-vuċi taċ-ċittadin trid tinstema’ f’kull ħin li hemm bżonn
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni, Mario de Marco, qal li d-demokrazija rridu nsaħħuha mhux biss fil-vot kull ħames snin fl-elezzjonijiet ġenerali, iżda kuljum għax irridu ngħixuha u nesperjenzawha kuljum. Il-vuċi taċ-ċittadin trid tinstema’ mhux biss kull ħames snin, iżda trid tiġi msaħħa, tingħata spazju u tinstema’ f’kull ħin li hemm bżonn.
Dan isir b’istituzzjonijiet li jħarsu li l-poter jitħaddem mingħajr abbuż, u jħarsu wkoll li min jabbuża mill-poter ikun iċċensurat u min ibati minn abbuż ta’ poter jingħata r-rimedju għaliex ma jistax ikun hawn demokrazija bla akkontabbiltà, trasparenza u governanza tajba.
Hu għalhekk li matul is-snin, pajjiżna ħoloq strutturi biex jipproteġi liċ-ċittadin u biex il-vuċi taċ-ċittadin tkun kuljum. Sellem lil Joseph Said Pullicino, fil-karga ta’ Ombudsman, u lil Anthony C. Mifsud, fil-kariga ta’ Awditur Ġenerali, ħadmu biex jassiguraw li l-poter jintuża sew u mhux b’abbuż.
Istituzzjonijiet li kixfu skandli u ġġieldu l-abbużi u d-drittijiet ta’ min hu żgħir
Mario de Marco fisser li l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali jwieġbu biss lill-Parlament u dan jassigura biex l-uffiċjali ma jieħdu direzzjoni minn ħadd u ma jwiġbux lil xi Ministru jew l-Eżekuttiv, u jiġġieldu kontra kull min jabbuża mill-poter.
Semma kif fl-aħħar snin u kellna eżempji kif l-istuzzjonijiet iġġieldu kontra l-abbużi u d-drittijiet ta’ min hu żgħir, u rażżnu lil min ħaseb li seta’ jagħmel li jrid.
Fakkar lill-Parlament kif rajna kif taħt it-tmexxija ta’ Anthony C. Mifsud bħala Awditur Ġenerali, rajna jinkxef l-iskandlu tas-Socar fix-xiri taż-żejt mill-Enemalta, l-iskandlu tal-Cafè Premier, l-aħħar skandlu kbir ta’ Gaffarena. Rajna wkoll lil Joseph Said Pullicino, fil-kariga ta’ Ombudsman, jiġġieled l-inġustizzji li saru fil-promozzjonijiet fl-armata u jiftaħ kawża kontra l-Gvern. Dan għamlu għaliex fin-nofs kien hemm id-drittijiet taċ-ċittadini.
Mario de Marco saħaq li dawn l-istituzzjonijiet irridu nkomplu nsaħħuhom u nsaħħu wkoll istituzzjonijiet oħrajn li huma wkoll essenzjali għall-ħelsien tad-demokrazija. Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tipproponi aktar minn 100 proposta, fosthom li uffiċjali importanti fil-pajjiż bħalma huma Kummissarju tal-Pulizija u Kap Kmandant tal-Armata jintagħżlu wkoll bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Parlament.
Irringrazzja lil Joseph Said Pullicino għal mod kif serva lill-pajjiżna bħala Ombudsman. Il-poplu wkoll għandu jkun grat u rikonoxxenti.
Ombudsman b’saħħtu u b’vuċi rispettata
Semma li pass ieħor importanti kien l-emendi proposti fl-Att tal-Ombudsman biex fl-Uffiċċju tal-Ombudsman ikun hemm Kummissarju għas-Saħħa, Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, u Kummissarju għall-Edukazzjoni. Irrifera għall-istituzzjoni tal-Ombudsman illum li hi b’saħħitha, b’vuċi rispettata miċ-ċittadin, uli ta’ dan Mario de Marco rringrazzja lil Joseph Said Pullicino.
Irringrazzja wkoll lil Anthony C. Mifsud, li minn Awditur Ġenerali issa se jkompli jservi fl-istituzzjoni importanti ta’ Ombudsman fejn se jkompli bil-karriera eċċellenti u se jġib l-esperjenzi tiegħu biex iħaddimhom fl-interess taċ-ċittadin. Sellem ukoll lil Charles Deguara li se jsegwi fil-passi ta’ Anthony Mifsud.
Appella lill-Gvern jisma’ u jirrispetta l-opinjonijiet ta’ dawn l-uffiċjali hekk kif fakkar fil-kliem iebes li sar mill-Gvern fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar Triq Zekka. Irrimarka wkoll li l-Ombudsman kien ikkritikat ukoll għall-kawża li fetaħ kontra l-Gvern.
Awgura wkoll lil Noel Camilleri fil-kariga ġdida ta’ Deputat Awdituri Ġenerali b’funzjoni importanti x’jaqdi biex ikun ta’ spalla għall-Awditur Ġenerali l-ġdid.
Filwaqt li awgura kull suċċess lil dawn l-Uffiċjali ġodda tal-Parlament, Mario de Marco tenna li l-politiċi se jagħmlu dak kollu possibbli biex jgħinu lil dawn l-uffiċjali jaqdu dmirijiethom fl-aħjar interess taċ-ċittadin.
Fl-għeluq tad-dibattitu, il-Ministru Leo Brincat tkellem fuq il-karigi ta’ Awditur Ġenerali u ta’ Deputat Awditur Ġenerali.
Semma li min jidħol f’dawn il-karigi jkun qed iservi lil pajjiżu u mhux lill-Gvern tal-ġurnata. Wissa li l-agħar ħaġa li tista’ ssir hi li ma nitgħallmux mir-rapporti ta’ dawn l-istuzzjonijiet.
Leo Brincat qal li rridu wkoll inħarsu lejn istituzzjonijiet oħrajn li twaqqfu tul is-snin, hekk kif hemm istituzzjonijiet oħrajn ġodda li għad iridu jitwettqu. Semma kif bil-liġi tal-preskrizzjoni, kull deputat tal-Parlament hu kontabbli sakemm jibqa’ jgħix u mhux sakemm ikun fil-poter. Semma li din hi waħda mill-akbar riformi li saru.
Filwaqt li awgura lil dawn il-persuni kull suċċess, il-Ministru Leo Brincat spjega kif fid-diskors tiegħu ffoka fuq il-karigi aktar minn fuq l-individwi li qed jinħatru bħala Uffiċjali tal-Parlament.
Id-Deputat Speaker Ċensu Galea, li kien qiegħed jippresiedi d-dibattitu fil-Parlament awgura lil dawn l-uffiċjali ġodda tal-Parlament għal ħidma b’kollaborazzjoni bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-Parlament fl-interess tal-poplu u tas-soċjetà.
//= $special ?>