Lokali

Il-PN bl-id tal-kunsens biex flimkien nagħmlu unur lil Malta

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Minflok ikompli jinqata’ mir-realtà, il-Partit Laburista aħjar jara r-raġunijiet vera għaliex Toni Abela falla quddiem il-Parlament Ewropew.

Qal dan il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, li fiha ngħad li Toni Abela falla għax ma ssodisfax il-kriterji ta’ biżżejjed esperjenza fl-awditjar u indipendenza politika. Dan imissu rah Joseph Muscat qabel ma poġġa lil Toni Abela f’din in-nasba. Minflok, Muscat ħaseb li jista’ jitmejjel anke bl-istituzzjonijiet Ewropej, bl-istess mod kif tmejjel bil-poplu Malti u Għawdxi tliet snin ilu, kompla jispjega l-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija kompliet tgħid li hu minn ewl id-dinja li f’kull smiegħ isiru l-mistoqsijiet diffiċli, bħalma saru mistoqsijiet diffiċli lil Joe Borg, lil Tonio Borg, lil John Dalli, lil Louis Galea u lil Karmenu Vella. Iżda dawn għarfu jwieġbu sew u għaddew mit-test iebes li kellhom. Jekk Toni Abela m’għaddiex, sinjal li ma kienx tajjeb għal din il-kariga. Dik hi l-verità u inutli li l-Partit Laburista jipprova jara f’min se jwaħħal.​

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-għażla li għamel Joseph Muscat kienet żbaljata mill-bidu għax ma kinitx għażla bbażata fuq il-meritokrazija, iżda għażla oħra ta’ nepotiżmu politiku, li fl-Ewropa ma jikkonvinċi lil ħadd. Għaldaqstant, għal dan il-falliment, ir-responsabbiltà hi biss ta’ Joseph Muscat u ħadd aktar.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hu lest, kif dejjem kien, li jgħin lill-Gvern isib l-aħjar Kandidat li jista’ jagħmel unur lil pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Partit Nazzjonalista lest jappoġġja bis-sħiħ Kandidat li jilħaq il-prinċipji ta’ meritokrazija: li l-kompetenza, l-esperjenza u l-integrità jkunu tabilħaqq ‘il fuq minn kull dubju, temmet tgħid l-istqarrija.