Lokali

Jinstabu filmati tas-sensiela oriġinali ta’ Baħar Wieħed u intervista ma’ Stanley Matthews fost oħrajn

Fi stqarrija l-Awtorità tax-Xandir qalet li b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni M3P, fl-aħħar xhur inġabar inventarju dettaljat ta’ kollezzjoni ta’ pellikola li hemm fl-arkivji fejn instabu iktar minn 750 rutella b’madwar 600,000 pied ta’ pellikola.

Fost it‐titli misjubin fil‐kollezzjoni tal‐Awtorità tax‐Xandir hemm produzzjonijiet Maltin kif ukoll oħrajn impurtati. Fost dawk lokali hemm il‐Karnival tal‐1968, filmati mill‐edizzjoni oriġinali tas‐sensiela ta’ drama Maltija F’Baħar Wieħed, intervista ma’ Sir Stanley Matthews, il‐futboler Ingliż  li kien residenti f’Marsaxlokk, filmati tal laqgħat tal‐Bord tal‐Awtorità fil‐bidu tas‐snin sebgħin u parti mill‐Malta Song
Festival
tal‐1971.   

Qalet li hemm għadd ta’ rutelli mingħajr ebda kitba fuqhom u li għad iridu jiddawru f’projector biex l-inventarju jkun tassew komplut.

Stqarret li għandha madwar 250,000 pied ta’ pellikola li tinsab fi stat tajjeb, filwaqt li ammont sostanzjali tal-kumplament tal-pellikola tista’ tissewwa.

F’kumment wara li sar ix‐xogħol fuq l‐ewwel parti tal‐inventarju, is‐Sur Pierre Cassar, Kap Eżekuttiv tal‐Awtorità tax‐Xandir ikkummenta li l‐Awtorità tax‐Xandir hija kommessa li tippriserva filmati antiki biex jibqgħu jitgawdew mill‐ġenerazzjonijiet tal‐ġejjien.