Lokali

Jitwieldu numru ta’ ħrief fir-razzett ta’ Ġanni Attard

“Kieku ma kienitx għad-deċiżjoni tal-imħallef Anna Felice, kieku dawn in-nagħaġ illum il-ġurnata huma mejtin”

Fir-razzett ta’ Ġanni Attard, kibret il-merħla, żewġ nagħġiet kellhom il-frieħ.

Fi stqarrija f’isem ir-raħħal Għawdxi Ġanni Attard intbagħtu ritratti fejn fihom jidhru żewġ nagħġiet li għadhom kemm kellhom il-ħrief, waħda minnhom xtrat eżatt l-għada ta’ meta nġabru lura u l-oħra ferrgħet żewġt iħrief illum filgħodu.

L-istqarrija tgħid li kieku ma kienx l-intervent legali t’Attard kieku dawn il-ħlejjaq ma kienux jitwieldu. Jissemma wkoll li kien hemm numru ta’ nagħaġ oħra li suppost kellhom il-friegħ iżda madanakollu ma kellhomx l-istess xorti peress li korrew.

Ġanni Attard qal li dan juri xi ħsara kbira kienet se issir u qed issir lilu b’referenza għal dawn in-nagħaġ. Ganni Attard insista illi kieku ma kienitx għad-deċizjoni ġusta u f’waqta tal-imħallef Anna Felice, kieku dawn in-nagħaġ illum il-ġurnata huma mejtin.

Ir-Rikors b’Urġenza fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex jitwaqqaf il-proċess tal-qtil tan-nagħaġ ta’ Ġanni Attard sar fit-8 ta’ Marzu 2016 u r-rikors argumenta li l-proċess tal-qtil tan-nagħaġ għandu jitwaqqaf immedjatament minħabba li jekk jilħqu jinqatlu qabel id-deċiżjoni tal-Qorti, hu jkun bata minn preġudizzju irrimedjabbli la n-nagħaġ ma jkunux jistgħu jiġu rxuxtati.

Għada fil-qorti mistenni li tibda tinstema’ wkoll il-kawża kostituzzjonali.