Qorti

Miċħud il-libell kriminali kontra Paul Borg Olivier

Il-Qorti ċaħdet il-libell kriminali mill-eks Ministru Manwel Mallia u l-eks kandidat Laburista David Farrugia Sacco kontra l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier.

Il-Proċeduri nbdew wara rapporti fi Frar 2013 – waqt il-kampanja elettorali – li dehru fuq il-website maltarightnow.com bit-titlu “3 esponenti Laburisti involuti fl-iskandlu taż-żejt” u “Sitt gidbiet mill-Malta Labour Party”. Manwel Malli kien insista li se jibqa’ jsegwi l-proċeduri sakemm Paul Borg Olivier jintbagħat il-ħabs.

Mallia u Farrugia Sacco qalu li l-kwerela tressqet kontra Paul Borg Olivier għaliex is-sit ma kellux editur reġistrat.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, innotat li l-artikli inkitbu mill-ħurnalist Matthew Bonnet, u  għalkemm l-artikli f’maltarightnow ma kienux iffirmati, servizzi simili fuq it-televiżjoni, l-awtur seta’ faċilment jiġi identifikat.

Għaldaqstant, Paul Borg Olivier ma kienx responsabbli għall-pubblikazzjoni tal-artikli u l-Qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Mallia u Farrugia Sacco. L-Avukat Joe Zammit Maempel deher għal Paul Borg Olivier.