Żewġ nassaba nstabu ħatja mill-Qorti dalgħodu ta’ nsib fuq tajr protett u bejniethom ġew ordnati jħallsu multi ta’ €3,300 minbarra li l-Qorti rrevokatilhom il-liċenzji tal-kaċċa u nsib.
CABS, il-Committee Against Bird Slaughter, qal li raġel mill-Gudja nstab ħati ta’ nsib fuq tajr protett fis-27 ta’ Lulju li għadda meta firex nasba kbira fi “gżira” f’għadira artifiċjali qrib il-Gudja stess. Ir-raġel kellu numru ta’ għasafar tal-plastik u oħrajn ħajja flimkien ma’ electronic bird caller. Il-mansab kien instab minn attivisti tal-CABS li rrappurtaw il-każ lill-Pulizija li bagħtet lil uffiċjali tal-ALE li ressqu lin-nassab. Hu ngħata multa ta’ €2,000 u l-liċenzja tiegħu ġiet revokata għal tliet snin.
Il-każ l-ieħor jitratta raġel li wkoll inqabad jonsob tajr protett, din id-darba sponsuni f’Ħad-Dingli waqt li l-istaġun kien magħluq, f’Marzu tas-sena li għaddiet. Ir-raġel kien iffilmjat minn voluntieri tal-CABS u iktar tard identifikat mill-Pulizija. Il-Qorti ordnatlu jħallas multa ta’ €1,300 u revoka tal-liċenzja tiegħu għal sentejn.
Iż-żewġ każijiet instemgħu quddiem il-Maġistrat Anthony Vella u l-Ispettur Colin Sheldon mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>

