Rapport dwar l-immigrazzjoni li fost żewġ awturi għandu lill-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, għadda b’maġġoranza kbira mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili fil-Parlament Ewropew illum hekk kif favurih ivvutaw MEPs mill-maġġoranza tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.
Ir-rapport jidħol fid-dettall dwar kull aspett tal-immigrazzjoni, mill-ħtieġa ta’ iktar sigurtà fil-fruntieri esterni, iktar tiftix u salvataġġ, riforma kompleta tar-Regoli ta’ Dublin, it-traffikar tal-bniedem u l-għeruq tal-kawżi tal-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-ritorn ta’ dawk li mhumiex eliġibbli għall-protezzjoni.
Ta’ interess għal Malta u pajjiżi oħra milquta direttament mill-immigrazzjoni, ir-rapport isemmi l-ħtieġa li tinbidel regola ta’ bħalissa li hu l-ewwel pajjiż li jidħol fih immigrant li jkun responsabbli għalih.
Roberta Metsola nsistiet li dwar l-immigrazzjoni jeħtieġ attenzjoni u malajr, li tkun tolqot l-immedjat imma wkoll il-pjani fit-tul. Fissret li r-rapport jagħti stampa olistika għal suġġett li s’issa ma ngħatax din l-attenzjoni minn żewġ gruppi Parlamentari, u li l-vot li ta l-appoġġ għar-rapport hu sinjal ta’ kuraġġ.
Metsola fissret li bħalissa l-Ewropa tinsab f’punt uniku fejn għandha quddiemha l-linji politiċi ġenerali li jeħtieġ li jiġu segwiti bħala tweġiba għall-immigrazzjoni. Fissret li meta beda x-xogħol fuq dan ir-rapport, sena ilu, kienu jafu li kienet se tkun sfida imma mhux li kien se jsir fl-agħar kriżi ta’ refuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l quddiem.
Insistiet li mhemmx risposta ta’ malajr għall-immigrazzjoni u jeħtieġ pjan sħiħ li jħares lejn għanijiet immedjati u fit-tul. Is-sena li għaddiet 1.8 miljun ruħ daħlu fl-Ewropa u 3,771 għerqu fil-Mediterran. Din is-sena iktar minn 77 tifel u tifla diġà mietu.
Minbarra Roberta Metsola, ir-rapport kien imħejji wkoll minn Kashetu Kyenge, MEP Taljana mill-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi. Il-pass li jmiss hu vot fis-Sessjoni Plenarja fil-Parlament Ewropew ix-xahar id-dieħel.
//= $special ?>