Il-Qorti tal-Appell irrevokat sentenza mogħtija mill-Maġistrat Carol Peralta li kienet sabet lil raġel ħati ta’ miżaproprjazzjoni ta’ €8,000. Il-Qorti tal-Appell sostniet li r-raġel ma setax jinstab ħati peress li l-ebda parti fil-każ ma kienet temmet il-preżentazzjoni tal-provi.
Fernando Sammut, ta’ 36 sena, kien tressaq b’akkużi ta’ miżaproprjazzjoni ta’ kważi €8,000 mill-aġenzija tal-marketing Francis Busuttil & Sons, lura fl-2013. F’Lulju tal-2014, il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Carol Peralta, ikkundannat lir-raġel għal sena ħabs sospiża għal tliet snin u ordnatlu jħallas lura l-fondi għal total ta’ €7,787. Sammut kien appella mis-sentenza u talab lill-Qorti tiddikjara l-proċeduri u s-sentenza bħala nulli u talab għal smigħ ġdid li jkun jippermetti kontro-eżami u l-preżentazzjoni tal-provi min-naħa tal-appellant.
L-Imħallef Antonio Mizzi nnota li fl-4 t’April, il-kontro-eżami min-naħa tad-Difiża fuq żewġ xhieda kien ġie sospiż u differit għal seduta fil-15 ta’ Lulju, bl-avukat iktar tard jiskopri li l-każ kien se jinstema fis-17 ta’ Lulju minflok. Imma dakinhar kien inqabad f’awla oħra tal-Qorti u hu u ħiereġ kien irċieva telefonata li kienet qaltlu li l-każ kien ġie deċiż.
Il-Qorti tal-Appell innutat li fit-transkript tal-Qorti ma kien hemm xejn li kien jindika li l-Prosekuzzjoni jew id-Difiża kienu temmew juru l-provi tagħhom. Għalhekk il-Qorti ddikjarat is-sentenza tal-Maġistrat Peralta bħala nulla u bagħtet il-każ lura f’dik il-Qorti biex il-Prosekuzzjoni u d-Difiża jkunu jistgħu jkomplu jippreżentaw il-provi tagħhom u biex il-każ jiġi deċiż skont il-liġi.
Għall-akkużat dehru l-avukati David Camilleri u Joseph Gatt.
//= $special ?>

