Three Generations Down huwa l-isem ta’ grupp ta’ rġiel u nisa, kollha Għawdxin, iżda kollha minn diversi mixjiet tal-ħajja, li fl-aħħar snin ikkommettew ħafna mill-ħin u l-enerġija tagħhom biex jipproduċu xogħol oriġinali, b’temiet varji.
Il-filosofija ta’ dan il-grupp tmur lura sa mill-mument tal-konċepiment tiegħu. Filfatt, l-isem tal-grupp kien ispirat mill-isem tal-film li dan il-grupp qed jirsisti biex itemm.
Iżda, minkejja li l-ewwel produzzjoni tiegħu tmur lura diversi snin, fl-aħħar xhur dan il-grupp reġa’ feġġ fl-attenzjoni pubblika, b’diversi xogħlijiet li jpoġġu fuq quddiem l-ispirazzjoni wara l-kreattivita’ tiegħu.
Waħda mill-aħħar produzzjonijiet ta’ din il-kumpanija: silta ħelwa tal-Milied li, fi ftit minuti, tirrakkonta l-mixja u l-esperjenzi ta’ ġuvni minn Għawdex, filwaqt li tesplora s-sbuħija tal-ambjent soċjali u fiżiku li jżewwaq lil daru u r-raħal tiegħu. F’din il-produzzjoni, it-tradizzjoni u n-natura jitħalltu f’tinsiġa waħda, f’xogħol artistiku li jpoġġi lil Għawdex u t-talent tiegħu fuq quddiem.
Imma din il-produzzjoni hija biss waħda minn kullana ta’ xogħlijiet artistiċi li jinsabu fil-aġenda ta’ dan il-grupp. Magħhom irid jiżdied trailer li għadu kif ġie ippublikat fl-aħħar ġimgħat u li diġa’ qed jidher fis-swali taċ-ċinema f’Għawdex: produzzjoni li twitti t-triq għal film qasir bl-isem “Spectrum”. Dan minbarra li poster maħruġ fuq il-pjattaformi online ta’ din l-istess kumpanija juri li qed isir xogħol minn wara l-kwinti fuq film qasir ieħor li jħares lejn il-vjaġġi solitarji ta’ tifel orfni fi gżira diżabitata.
Dan il-grupp qed jaħdem ukoll fuq dokumentarju dwar Għawdex: mhux dokumentarju turistiku, li juri biss stampi u xenarji sbieħ, iżda dokumentarju intelletwali, msejjes fuq l-esperjenzi tal-ġenerazzjonijiet Għawdxin li għexu tfulithom fi żmien ieħor. U l-kumpanija jidher li se tkun qed tilħaq dan il-għan billi tintervista numru sostanzjali t’anzjani Għawdxin, li tiddeskrivihom bħala “katalogi ħajjin” tal-ispirtu Għawdxi.
Il-grupp Three Generations Down qed jaħdem ukoll biex jintroduċi demm ġdid fix-xena tal-produzzjoni tal-films f’Għawdex, fosthom Sean Attard u Marie Clare Grima, li qed jaħdmu fil-kamp awdjoviżwali tal-kumpanija, il-fotografu Nick Bugeja, il-professjonisti tal-films Mark Frendo, Matthew James Ellul u Amadeo Bezzina, u saħansitra d-direttur Roberto Maria Grassi, magħruf għal kontribuzzjoni estensiva tiegħu fix-xena tal-produzzjonjiet tat-televiżjoni Franċiża.
Il-grupp, minkejja ċ-ċokon tiegħu, qed ifittex li jagħti perspettiva ġdida ta’ Għawdex. Filwaqt li jimxi lil hinn minn dak li s-soltu nattribwixxu ma’ din il-gżira, mis-sempliċi “xemx u baħar” li tant jattiraw turisti lejha, il-grupp qed jirsisti biex ipoġġi fiċ-ċentru dak li s-soltu nżommuh fl-isfond: il-qalb kulturali, tradizzjonali u artistika li tagħmel lill-gżira t’Għawdex dik li tassew hi.
//= $special ?>