Internazzjonali

Twissija lill-Gvern ġdid Libjan

Khalifa al-Ghwell, il-Prim Ministru tal-Gvern Libjan ibbażat fi Tripli, wissa lill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali li għandu l-għarfien min-Nazzjonijiet Uniti, biex ma jittrasferix ruħu lejn il-kapitali Libjana.
Il-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali kien innegozjat min-Nazzjonijiet Uniti flimkien ma’ rappreżentanti miż-żewġ Gvernijiet Libjani, dak ta’ Tripli u dak ta’ Tobruk, li kellu għarfien internazzjonali. Imma hemm uffiċjali fiż-żewġ Gvernijiet li huma kontra dan il-Gvern il-ġdid li għandu l-appoġġ internazzjonali.
Al-Ghwell ta x’wieħed jifhem li jekk dan isir, il-Kabinett il-ġdid ikun arrestat, wara talba mill-Gvern il-ġdid, li s’issa hu bbażat fit-Tuneżija, għat-trasferiment immedjat tal-poter. Iżda al-Ghwell qal li dan ma setax isir peress li l-Gvern il-ġdid ma kellux l-appoġġ tal-Parlament ta’ Tripli.
Al-Ghwell qal li hu favur taħditiet mal-Gvern ta’ Tobruk, li qal qed isiru biex ikun hemm pjan alternattiv għal transizzjoni politika tal-poter, u żied li dan il-pjan mistenni jkun ippreżentat fil-ġimagħtejn li ġejjin.