Qorti

“Abbuż ta’ proċedura” t-tentattiv tar-raħħal biex isalva n-nagħaġ – L-Avukat Ġenerali

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sostna li t-tentattiv tar-raħħal Ġanni Attard biex isalva t-300 nagħġa milli jinqatlu kien forma ta’ “abbuż ta’ proċedura” biex jittardja l-qtil.

Kelliema għall-Avukat Ġenerali qalet dan fil-Qorti Kostituzzjonali hekk kif kompla jinstema’ l-każ miftuħ minn Attard fil-konfront tal-awtoritajiet.

Il-ġimgħa li għaddiet l-awtoritajiet bdew il-proċeduri biex in-nagħaġ mhux reġistrati u mhux miżmuma kif meħtieġ, jinqatlu, imma twaqqfu wara li r-raħħal ta’ 55 sena minn San Lawrenz, f’Għawdex, fetaħ kawża Kostituzzjonali. L-awtoritajiet rebħu anke l-appell li kien fetaħ Attard, bil-Qorti tal-Appell tiddikjara li r-raħħal ma kienx irreġistra n-nagħaġ kif suppost.

Il-każ ilu għaddej mill-2010 u r-raħal fetaħ ukoll kawża Kostituzzjonali oħra dwar ksur ta’ drittijiet tal-bniedem. Din l-aħħar kawża għadha pendenti.

L-avukat ta’ Attard, Joshua Buttigieg, insista kontra l-qtil tan-nagħaġ minħabba li din tkun “azzjoni irreversibbli”. Insista li żewġ sentenzi kontra l-klijent tiegħu ma jfissrux b’mod awtomatiku li n-nagħaġ għandhom jinqatlu filwaqt li spjega li dritt wara li twaqqfet l-azzjoni ta’ infurzar, in-nagħaġ ittieħdu lura fir-razzett mhux liċenzjat ta’ Attard.

Victoria Buttigieg, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, insistiet li Attard qed jipprova jtawwal milli tiġi attwata deċiżjoni tal-Qorti li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell. Insistiet li n-nagħaġ mhumiex traċċabbli u m’għandhomx jitħallew jidħlu fil-katina tal-ikel.

L-Imħallef Anna Felice, li qed tippresiedi l-każ, widdbet lil Attard li kellu jieħu miżuri biex in-nagħaġ ma jkollhomx il-frieħ u b’hekk ma jkabbarx il-problema, bi tweġiba għal ritratti li wera r-raħħal dwar ħrief fil-merħla.

F’każ separat, Attard qed jisħaq li nkisru d-drittijiet tiegħu tal-bniedem meta ġie arrestat għal ebda raġuni. F’Novembru 2012 Attard ħa passi bil-Qorti kontra d-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji f’attentat li jwaqqaf il-qtil ta’ iktar nagħaġ wara li kienu bdew jinqatlu mill-merħla. Fil-Qorti kien qal li n-nagħaġ maqtula, li kienu stmati li jiswew madwar €520,000, kienu ġew ittestjati u kien ikkonfermat li ma kinux morda.

Sakemm jinqata’ l-każ il-Qorti hemm żewġ uffiċjali tal-Pulizija stazzjonati 24 siegħa kuljum fir-razzett tiegħu fl-Għarb biex jassiguraw li ebda annimal ma jitneħħa minn hemm u ebda prodott ma jiġi mibjugħ. S’issa, dan sewa iktar minn €600,000.

Attard qed jinsisti fil-Qorti li ilu jgħid lill-awtoritajiet biex in-nagħaġ jiġu reġistrati u tteggjati mill-2010.

Il-Qorti tal-Appell però ddikjarat li Attard naqas mir-responsabiltà biex jirreġistra n-nagħaġ tiegħu u m’għamel xejn għal sentejn sħaħ biex dawn jiġu reġistrati. M’aċċettatx lanqas l-ilment li ma kienx ingħata l-opportunità biex juri li n-nagħaġ ma kinux morda qabel inqatlu l-ewwel grupp. Il-Qorti ddikjarat li messu għamel hekk qabel. Il-każ ikompli f’April.