L-Autism Parents Association u l-Malta Dyslexia Association, bl-appoġġ tal-MEP Miriam Dalli, kitbu liż-żewġ kandidati li llum jiffaċċjaw lil xulxin fl-elezzjoni għal Rettur ġdid fl-Università ta’ Malta u appellaw biex studenti bl-awtiżmu jew bid-dyslexia jingħataw l-opportunità jirnexxu mil-lat akkademiku.
Iż-żewġ assoċjazzjonijiet spjegaw li studenti bid-dyslexia jew bl-awtiżmu jsibuha diffiċli biex jistudjaw iktar minn lingwa waħda u ħafna drabi, il-lingwa li jistudjaw b’mod iktar faċli tkun l-Ingliż.
Saħqu li dan il-fattur m’għandux jagħlqilhom il-bieb għal opportunitajiet li jkomplu bl-edukazzjoni akkademika peress li Malta diġà tagħti l-possibiltà lil studenti barranin biex isegwu kors fl-Università ta’ Malta anke jekk ma jafux il-Malti. Fl-istess ħin, appellaw biex il-Malti jkompli jissaħħaħ imma saħqu li tinħtieġ sistema iktar flessibbli biex tagħti l-opportunità lil studenti Maltin li għandhom ħiliet differenti.
Spjegaw ukoll li l-karta tal-eżami, jekk tinbidel minn waħda bajda għal waħda kkulurita, ukoll tgħin lill-istudenti bid-dyslexia biex jiffukaw iktar.
Fl-ittra tagħhom, iż-żewġ assoċjazzjonijiet awguraw liż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Rettur u esprimew it-tama li jkunu jistgħu jitkellmu iktar dwar dan is-suġġett wara l-elezzjoni tal-lum.
//= $special ?>

