Lokali

Beppe Fenech Adami b’libell kontra l-media Laburista “li qed tigdeb b’mod oxxen”

Dalgħodu, fil-Qorti, l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ppreżenta libell kontra l-media tal-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri.

Dan il-libell ġie ppreżentat kontra l-media Laburista wara l-allegazzjonijiet malafamanti u giddieba li saru fis-servizzi tal-aħbarjiet tal-istazzjon One fil-jumejn li għaddew u li huma ripetizzjoni ta’ gideb li saru wkoll 10 snin ilu.

Beppe Fenech Adami jiċħad bl-aktar mod assolut dak li ntqal fil-konfront tiegħu fl-aħbarijiet ta’ One News, u li ġie ripetut f’media oħra.

Beppe Fenech Adami jsostni li hija gidba mill-bidu sal-aħħar li huwa kkonverta żewġt ikmamar f’għalqa f’dar deskritta bħala palazz. Beppe Fenech Adami, 22 sena ilu, u 14-il sena qabel ma sar Membru Parlamentari, flimkien ma’ martu, xtara dar mibnija u lesta u bil-permessi mingħand familja, u l-istess dar kienet abitata mill-familja għal tul ta’ żmien qablu. Għalhekk, il-media Laburista ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri gidbet.

Din id-dar inxtrat b’self mill-Bank – liema self għadu jitħallas sal-lum.

Hija gibda li l-art li Beppe Fenech Adami għandu mad-dar jista’ jsir żvilupp ta’ bini fuqha.

Hija gidba oħra li Beppe Fenech Adami ngħata xi trattament preferenzjali. Il-bini kollu li jinsab fiż-żona fejn hemm id-dar ta’ Beppe Fenech Adami għandu l-istess dritt bħalu.

Hija gidba oħra li Beppe Fenech Adami ngħata l-permess biex iżid ‘tlett sulari’ fuq id-dar tiegħu. Huwa ngħata permess biss sabiex itella’ sular wieħed ma’ dak li kellu, u kif kellu dritt jagħmel u għandu dritt jagħmel kull min għandu dar fiż-żona.

Hija gidba oħra li sabiex ingħata l-permessi li għandu, Beppe Fenech Adami ngħata xi trattament speċjali mill-Prim Ministru ta’ dakinhar Lawrence Gonzi jew l-eks Ministru George Pullicino. L-ittra li wriet il-media tal-Partit Laburista fil-fatt tikkonferma li kien hemm applikanti oħrajn li ngħataw l-istess trattament.

L-istejjer iffabrikati ta’ llum huma riċiklaġġ ta’ gideb li saru fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami b’aħbarijiet fuq il-Kulħadd u s-Super One fil-21 ta’ Mejju 2006, jiġifieri 10 snin ilu. Dawn ilkoll ġew miċħuda dakinhar u qed jerġgħu jiġu miċħuda llum.

Il-fatti kollha dwar il-gideb tal-media Laburista ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri se jkun qed iressaqhom fil-kawża ta’ libell li ġiet ippreżentata llum.

L-intimidazzjoni ta’ Joseph Muscat u ta’ Keith Schembri mhix se tbeżża’ jew tagħlaq ħalq Beppe Fenech Adami milli jkompli jikxef u jesponi kif il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri inqabdu b’kumpanija sigrieta fil-Panama u kif hemm allegazzjoni serji ta’ tixħim fil-konfront taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Huwa evidenti li għandna Gvern f’paniku li qed jegħreq f’xibka ta’ korruzzjoni, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.