Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, wissa li ftehim mat-Turkija dwar l-immigrazzjoni jista’ jwassal għal mewġa migratorja oħra f’nofs il-Mediterran li tolqot lil Malta u lill-Italja u li l-UE għandha tkun lesta għal influss ieħor eventwali minn din ir-rotta.
Simon Busuttil kien qed jindirizza summit tal-kapijiet fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
Filwaqt li laqa’ l-prospett ta’ ftehim mat-Turkija, Busuttil wissa li l-għeluq tar-rotta bejn it-Turkija u l-Greċja mhix soluzzjoni għall-problema u li, f’dan il-każ, dan iwassal biss biex immigranti jfittxu rotta oħra fosthom dik taċ-ċentru tal-Mediterran, li tolqot pajjiżi oħra membri bħall-Italja u Malta u li tfisser li iktar persuni jirriskjaw li jitilfu ħajjithom meta jitilqu mill-kosta Libjana.
Insista li l-ftuħ mill-ġdid tar-rotta Libjana se tikkomplika l-affarijiet, filwaqt li spjega li tal-inqas l-UE għandha interlokutur fit-Turkija, bi Gvern li tista’ titkellem miegħu, filwaqt li fil-Libja dan ma jeżistix. Wissa wkoll li l-Istat Iżlamiku se jaqbeż fuq din l-opportunità ġdida biex jagħmel iktar flus billi jittraffika iktar nies lejn il-Mediterran. “M’għandniex inħalluhom jiggwadanjaw minn din”, insista l-Kap Nazzjonalista u tenna li l-problema għandha tiġi indirizzata fl-għeruq, fis-Sirja u fil-Libja bl-istess mod.
Għas-summit tal-PPE kienu qed jattendu wkoll il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker.
//= $special ?>