In-nies li baqgħu jgħixu qrib is-sit fejn, fl-1986, seħħet l-isplużjoni nukleari ta’ Chernobyl, għadhom jieklu l-ikel ikkontaminat, proprju 30 sena wara d-diżastru.
U skont rapport ġdid, x’aktarx li żdied il-livell tar-radjazzjoni qalb iz-zoni fejn hu stmat li qegħdin jgħixu mal-5 miljun persuna. Ir-radjazzjoni baqgħet taffettwa, fost oħrajn, il-produzzjoni tal-imquh u r-rapport sostna li eluf tat-tfal, anki dawk li twieldu 30 sena wara Chernobyl, ‘xorta qed ikollhom jixorbu ħalib ikkontaminat mir-radjazzjoni’.
Bħalma l-kontaminazzjoni se tibqa’ element tal-ħajja fiss għal dawn in-nies tul għexieren ta’ snin, ‘daqstant ieħor iridu jibqgħu reali l-effetti relatati għal saħħithom’.
Id-diżastru ta’ Chernobyl seħħ fis-26 ta’ April tal-1986 ġol-impjant nukleari li jġib l-istess isem u li jinsab fil-belt Ukrena ta’ Pripyat – illum abbandunata (ara ritratt). L-Ukrajna, dak iż-żmien, kienet tifforma parti mill-Unjoni Sovjetika antika.
L-isplużjoni storika u n-nirien sussegwenti kienu telqu kwantitajiet kbar ta’ partiċelli radjuattivi fl-atmosfera li nfirxu madwar l-artijiet tal-Punent tal-eks Unjoni Sovjetika u l-Ewropa. Id-diżastru ta’ Chernobyl kien anki l-akbar wieħed konness ma’ faċilità nukleari f’termini ta’ impatt u vittmi.
Illum, provi xjentifiċi għall-moviment Greenpeace juru li l-livell ġenerali ta’ tniġġiż mill-isotopes ewlenin (konsegwenza tad-diżastru) għadu validu sallum, b’mod partikolari qalb iz-zoni ta’ foresta u bnadi oħra speċifiċi. Ingħad li r-residenti fl-inħawi infettati għad għandhom il-kuntatt, kuljum, ma’ elementi għolja u perikolużi ta’ radjazzjoni ‘fl-ikel li jieklu, f’dak li jixorbu, kif ukoll fl-injam li jintuża fi proġetti ta’ kostruzzjoni’.
Il-kriżi ekonomika li qed tbati l-Ukrajna bħalissa – l-istess bħall-kriżi ekonomika attwali fir-Russja u l-Belarus – tfisser li naqsu l-eżerċizzji ta’ prova għar-radjazzjoni fl-inħawi kkontaminati fid-diżastru nukleari.
Dan meta l-Ukrajna ma tidhirx li għandha biżżejjed fondi biex tiffinanzja l-programmi meħtieġa għall-protezzjoni xierqa tal-poplu. F’din is-sitwazzjoni, in-nies li qed jgħixu fiz-zoni partikolari jistgħu qegħdin jispiċċaw dejjem aktar esposti għar-radjazzjoni.
Id-diffikultajiet li għaddejja minnhom l-ekonomija tal-Ukrajna jidhru li qalbu wkoll għall-agħar minħabba l-attività tas-separatisti armati ‘favur ir-Russja’ fl-inħawi Ukreni tal-Lvant. Intant, il-pressjoni finanzjarja hi anki ‘qawwija’ għar-Russja u, daqstant ieħor, il-Belarus.
//= $special ?>