Sena ilu, fil-qofol tal-kampanja li wasslitna għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, fuq fomm ħafna Ħamruniżi, kien hemm il-kwistjoni tal-proġett ta’ Pjazza San Pawl, jew kif ħafna jafuha bħala Pjazza Fra Diegu – waħda mill-ftit postijiet pubbliċi li hemm għat-tgawdija tal-poplu Ħamruniż u proġett ikkummissjonat mill-operatur tal-kjosk li jinsab f’din l-istess pjazza.
Dak iż-żmien, b’manuvri partiġjani, il-Kunsill kien iddeċieda li ma joġġezzjonax għal proġett li kien se jċaħħad lill-Ħamruniżi minn parti minn din il-pjazza biex jiġu introdotti parkeġġi għall-karozzi – hu ċar li dawn il-parkeġġi se jkunu biss biex jiġi aġevolat l-istess sid il-kjosk tant li s-Sindku ta’ dak iż-żmien, quddiem l-oġġezzjonijiet tal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, kien saħaq li dawn il-parkeġġi jkunu għal short stay li jfisser li r-residenti mhux se jgawdu minn din iż-żieda fil-parkeġġi. Wieħed ma jifhimx kif Kunsill Lokali, rappreżentant tar-residenti tal-lokal, jiddeċiedi li japprova dan il-proġett.
Nagħmlu differenza
Iżda kif imwiegħed mill-Partit Nazzjonalista sena ilu, il-kunsilliera tal-Partit jisħqu li jagħmlu d-differenza. Fil-fatt, din il-ġimgħa, fid-dawl tal-fatt li l-MEPA fetħet dan il-proġett għall-iskrutinju tal-pubbliku, bħala minority leader fil-lokalità ressaqt il-kwistjoni għad-diskussjoni quddiem il-Kunsill Lokali u, bl-appoġġ ta’ sħabi l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, ipproponejt li ssir konsultazzjoni pubblika kif jixraq għal kwistjoni ta’ din l-importanza fil-lokal tagħna.
Filwaqt li dan ġie propost u sekondat, il-Kunsill b’maġġoranza Laburista ma ħax deċiżjoni u r-residenti għadhom qed jistennew konferma dwar jekk hux se jingħataw l-opportunità biex isemmgħu leħinhom fuq il-kwistjoni. Il-Kunsilli Lokali ġew maħluqa proprju biex ikunu l-pont bejn ir-resident u l-awtoritajiet u l-Gvern, iżda sfortunatament, din is-sitwazzjoni qed turi kemm ċerti Kunsilli, fuq ċertu kwistjonijiet iġibu l-ewwel l-aspett partiġjan iktar mill-aspett soċjali li ġew maħluqa għalih. Bħala Kunsillier, għandek dejjem iġġib l-ewwel ir-resident, l-istess resident li eliġġiek.
Il-pjazza mhix il-kjosk biss
Sfortunatament, din qed issir il-pjaga tal-Ħamrun minflok il-pjazza tal-Ħamrun – dan minħabba n-nuqqas ta’ organizzazzjoni u infurzar li qed ifisser li ħafna Ħamruniżi mhux iħossuhom komdi jagħmlu użu minn dan il-post ta’ rikreazzjoni. Fattur li qed jinfluwenza ħafna fuq dawn in-nuqqasijiet hu n-nuqqas ta’ riżorsi li l-awtoritajiet tas-sigurtà tal-lokal għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. In-nuqqas ta’ riżorsi qed isarfu f’nuqqas ta’ sigurtà, u din qed twassal għal ħafna Ħamruniżi saħansitra jibżgħu jgħaddu minn din l-istess pjazza f’ċertu ħinijiet.
Il-Gvern hu fid-dover li jagħmel xi ħaġa, iżda sfortunatament jidher li l-Ħamruniżi huma sekondarji għall-Gvern għax meta intbagħtu iktar ‘riżorsi’, intbgħat proprju iben l-eksagent Kumissarju Raymond Żammit, l-ispettur Roderick Zammit, li minnufih ħareġ b’long term sick leave li jfisser li dan r-riżors addizzjonali, u tant bżonnjuż, baqa mhux disponibbli għas-servizz lill-pubbliku għal perijodu twil. Il-Ħamruniżi jixirqilhom aħjar – il-Ħamrun hu post iffrekwentat minn numru kbir ta’ nies u għalhekk, l-element tas-sigurtà tal-lokal ma jistax jittieħed b’mod leġġer. Iżda biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod adegwat, kif inhu d-dritt tal-Ħamruniżi, hemm bżonn ta’ aktar riżorsi.
Inkomplu nagħmlu d-differenza
Bħalma għamilna d-differenza fil-kwistjoni tal-proġett ta’ Pjazza San Pawl, se nkomplu nagħmlu d-differenza fuq kwistjonijiet oħra li qed jurtaw lill-Ħamruniżi. Minkejja d-diffikultajiet li ġġib magħha l-minoranza, xejn mhu se jwaqqafna milli nagħtu lir-resident dak li hu dritt tiegħu, kemm jekk inhi laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika u kemm jekk inhi l-eskalazzjoni ta’ ċertu problemi lill-awtoritajiet konċernati. Wara kollox, aħna l-kunsilliera ġejna eletti mill-poplu u biex inservu lill-poplu.