BLOGS

Il-Politika Onesta ssaħħaħ lil Simon Busuttil

Jekk kien hemm dubju dwar l-eluf li ġimagħtejn ilu attendew għall-Protesta Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni organizzata mill-Partit Nazzjonalista li sejħet għall-Maltin ta’ rieda tajba biex isemmgħu leħinhom, proprju l-Ħadd li għadda, l-istħarriġ ta’ gazzetta ewlenija kkonferma l-mixja pożittiva li qabad issa l-Partit Nazzjonalista li tikkuntrasta ma’ dik tal-Gvern.

Ikolli nammetti li l-eluf li ħonqu l-Belt dakinhar tal-protesta ħadni b’sorpriża, mhux għaliex kelli dubju mill-kapaċità tal-Partit Nazzjonalista li jimmobilizza lill-poplu – għax dan għamlu kemm-il darba f’okkażjonijiet importanti hekk kif tixhed l-istorja politika Maltija – imma għaliex kien hemm fost il-folla, nies li ġenwinament iridu jaraw lil pajjiżna jaqbad it-triq it-tajba mill-ġdid, anke jekk eluf oħrajn, attendew biss fl-ispirtu għax ma setgħux jingħaqdu fi protesta kontra l-aktar Gvern korrott fl-istorja tal-pajjiż.

Dawn in-‘nazzjonalisti’ tal-ispirtu kienu wkoll preżenti l-Ħadd li għadda waqt il-Maratona, fosthom mijiet li taw donazzjoni u ma xtaqux jagħtu d-dettalji tal-identità tagħhom; Maltin li verament jemmnu fl-istil politiku li qiegħed jisħaq dwaru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil; dak ta’ Politika Onesta. Dawn li ngħaqdu mal-Partit fl-ispirtu huma dawk li qed jemmnu fil-kawża tal-Partit Nazzjonalista u huma wkoll dawk li kkonfermaw riżultat inkoraġġanti fl-istħarriġ.

Minn dan l-istħarriġ, għall-ewwel darba f’dawn it-tliet snin minn mindu l-Gvern ta’ Joseph Muscat nieda l-programm veru tar-‘roadmap’ – roadmap mibnija fuq xejriet korrotti – il-Partit Laburista tilef potenzjalment eluf ta’ voti, li minnhom qiegħed jissaħħaħ il-Partit Nazzjonalista. Id-distakk li issa niżel għal 0.8% jikkonferma li fi kwantu ta’ voti, id-differenza ta’ 36,000 vot hija biss Storja u llum tissarraf f’inqas minn 3,000 vot.

Interessanti wkoll li l-Partit Nazzjonalista, żamm mad-90% tal-votanti favurih mill-aħħar elezzjoni filwaqt li l-Partit Laburista baqa’ jgawdu l-fiduċja ta’ ftit anqas minn 75%, allura telf ta’ eluf ta’ voti ‘core’, xhieda oħra li l-poplu mhux biss qiegħed jafferma l-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista u l-Kap Simon Busuttil li żiedha b’4%, imma xhieda ta’ poplu li issa qiegħed iwassal messaġġ ċar kontra Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu f’leġiżlatura li kellha – skont l-indikazzjonijiet tal-esponenti Laburisti tliet snin ilu – ttella’ lil Malta fil-quċċata tal-pajjiżi fl-Ewropa, mira li kellha wkoll ixxejjen lill-Partit Nazzjonalista u tħallih jilgħaq il-ġrieħi tiegħu għal minn tal-anqas 15-il sena!

Ix-xenarju politiku huwa tassew dinamiku u minn jum għal jum qiegħed ikompli jħott il-kastelli fl-arja tal-Gvern u jqawwi lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Il-każijiet ta’ allegat korruzzjoni, li meta elenkati jsostnu li l-Partit Laburista tal-lum huwa biss replika tal-Malta Labour Party, huma bla dubju l-kawża ta’ emorraġija ta’ voti li qed jintilfu u li għalihom, il-Prim Ministru ma għandux risposti.

Jekk qabel l-elezzjoni rebaħ l-eluf tal-voti bil-kliem, illum fil-Gvern, irid isaħħaħ u jvinċi kliemu, liema mhux qed jirnexxilu għax dal-Gvern huwa aktar medhi f’kif jista’ jiżgiċċa minn taħt il-lenti tal-midja indipendenti li qed toħnoq kull pass illeġittimu tal-Gvern tal-ġurnata minflok jiffoka fuq l-aktar ħwejjeġ importanti tal-pajjiż fosthom il-ġlieda dejjem tikber kontra l-faqar li kompla jgħollu rasu.

L-ewforija tal-Gvern sfaxxat fix-xejn. Għall-ewwel darba kemm Joseph Muscat ilu fit-tmexxija tal-Partit Laburista, qiegħed jikkunsidra telfa elettorali. Jidher li kien ‘għaqli’ u ssospenda l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li kellhom isiru tul dawn il-ġimgħat għan-nofs l-ieħor ta’ Malta u Għawdex (in-nofs l-ieħor saru fil-bidu tas-sena 2015). Li ma kienx hekk, nista’ nissogra ngħid li l-Partit Laburista kien isofri telfa umiljanti, għaliex quddiem il-korruzzjoni l-poplu lest li jieqaf, u dawn l-elezzjonijiet kienu jkunu opportunità ġenwina sabiex il-poplu jindika li mhux lest jittollera aktar din l-attitudni tal-Gvern.

Imma dan huwa l-Gvern, jibża’ mill-isfida meta jkun jaf li għandu ċans jitlef, għalhekk lagħab mad-demokrazija u hedded dak li huwa verament tagħna lkoll: id-dritt għall-vot! Mhux biss, f’intervista li ta l-Prim Ministru f’waħda mill-gazzetti tal-Ħadd, għall-ewwel darba qiegħed jitkellem dwar xi tkun il-pożizzjoni tiegħu jekk jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss, pożizzjoni li tindika li Joseph Muscat qiegħed tassew iħoss pressjoni ġdida u possibbiltà ġenwina li l-Partit tiegħu jista’ jkun qiegħed jitlef l-elezzjonijiet ġenerali ta’ sentejn oħra. Qiegħed jibża’ wkoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tant li għadu ma laqax is-sejħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jiddibattih fuq Xarabank.

Indikazzjoni oħra ta’ kemm il-pompożità fi kliemu arroganti issa qed titlef il-ħakma li kellha fuq il-vot ħieles tal-eluf ta’ floating voters, filwaqt li qiegħda tbiegħed lilhinn mill-Partit tiegħu lil dawk li emmnu f’bidla għall-aħjar u tawh il-vot minkejja li kienu aktarx Nazzjonalisti.

L-indikazzjonijiet huma kollha viżibbli; il-Gvern qed jixxaqqaq u l-kollass huwa inevitabbli. Malta jixirqilha aħjar. Quddiem dan ix-xenarju, Joseph Muscat huwa biss l-antagonist ta’ qagħda imprekattiva li kull ma tmur qiegħda twelled protagonist ġdid; Simon Busuttil.

Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 16 ta’ April 2016.
Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 Distrett.