Il-President tal-Eġittu, Abdel Fattah al-Sisi, wissa lill-potenzi tal-Punent li s-sitwazzjoni tal-Libja kapaċi ssir inkontrollabbli f’każ li l-potenzi jaslu għal intervent militari fl-artijiet fejn qed jiddominaw il-kaos u l-kunflitt.
Sisi, li kien qed jitkellem f’intervista rari, ħeġġeġ lill-Punent u l-alleati biex ‘minflok’, jikkonċentraw fuq it-tisħiħ tal-Armata tal-Gvern Libjan li jgawdi għarfien internazzjonali. Fl-istess ħin, il-President Sisi jemmen li l-Punent għandu ‘iħalli lil dik l-Armata timpenja ruħha biex tirristawra l-istabbiltà fil-Libja’.
Min-naħa tiegħu, il-President Sisi qal li l-istorja wriet kemm hu diffiċli li wieħed jimponi l-paċi f’pajjiż minn barra. Hu rrefera ‘għal-lezzjonijiet tal-Afganistan u s-Somalja’, li kienu bdew bħala interventi ’l fuq minn 30 sena ilu u li ma rriżultawx fi progress. Sisi anki ssuġġerixxa li l-Gvernijiet tal-Ewropa qed jissottovalutaw l-iskala tal-influwenza tal-Iżlamiċi fil-Libja u rrefera ‘għall-iżball oħxon tal-Ewropej’ fejn huma jħarsu lejn il-Libja daqslikieku l-ISIS hu l-uniku theddida.
Il-President tal-Eġittu jwissi dwar il-Libja
