Il-Qorti dalgħodu ddikjarat li l-blogger Daphne Caruana Galizia mhix obbligata tikxef is-sorsi tagħha u għandha tgawdi l-libertà tal-istampa taħt il-Liġi tal-Istampa.
Id-digriet ingħata mill-Maġistrat Francesco Depasquale waqt il-kawża ta’ libell miftuħa mill-Ministru Konrad Mizzi u martu Sai Mizzi Lang, u l-Koordinatur tal-Komunikazzjoni tal-Ministru Lyndsey Gambin fil-konfront ta’ Caruana Galizia, dwar artiklu ppubblikat f’Novembru fejn sostniet li l-Ministru tal-Enerġija u l-impjegata tiegħu kienu dehru mgħannqa b’mod intimu.
L-avukat Aron Mifsud Bonnici, li qed jidher għall-Ministru Mizzi, kien talab lil Caruana Galizia tikxef l-identità tas-sors tagħha li iktar kmieni kienet iddeskriviet bħala “uffiċjal għoli fil-Pulizija” li s’issa rtira. Caruana Galizia rrifjutat li tikxef is-sors tagħha u kkwotat il-Liġi tal-Istampa. Mistoqsija wkoll jekk il-blogg tagħha kienx irreġistrat, Caruana Galizia kienet qalet li ma jistax ikun reġistrat.
Fid-digriet tiegħu, il-Maġistrat Depasquale rrimarka li l-Liġi tal-Istampa ma ssemmix “ġurnalisti” imma “awturi” u fin-nuqqas ta’ definizzjoni fil-Liġi Maltija, ittieħdet dik tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill Ewropew li jqis “ġurnalist” bħala “persuna naturali jew legali li b’mod regolari jew professjonali jaħdem fil-kollezzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ kull mezz ta’ komunikazzjoni tal-massa”.
Fil-Qorti kien ġie argumentat ukoll li l-blogg ta’ Caruana Galizia mhux kopert mil-Liġi tal-Istampa li titkellem biss dwar “gazzetti u xandir” imma l-Qorti nnuttat li proviżjoni oħra fil-Liġi tqis “materjal stampat” bħala dak li “fih karattri tipografiċi…jew mezzi oħra fejn kliem u stampi jistgħu jinstemgħu, jiġi perċepiti jew riprodotti”. Għalhekk il-Maġistrat iddeċieda li l-blogg ta’ Caruana Galizia jaqa’ fil-fatt taħt il-Liġi tal-Istampa.
//= $special ?>
