Internazzjonali

Imħallef jimblokka l-ħatra mal-Gvern ta’ Lula da Silva

Imħallef fil-Brażil imblokka l-ħatra tal-eks-President Soċjalista Brażiljan, Luiz Inacio Lula da Silva, bħala chief of staff għall-President tal-Brażil attwali Dilma Rousseff. Rousseff hi s-suċċessur ta’ Lula u hi wkoll membru ta’ dan il-Partit Soċjalista.

Il-proċess ġudizzjarju seħħ sigħat biss wara li Lula da Silva kien ħa l-ġurament tal-ħatra u fejn issemma ‘s-sogru ta’ tfixkil għall-investigazzjoni federali’ f’każ li Lula jkollu jiffunzjona bħala Ministru. Il-Gvern tal-Brażil, intant, beħsiebu jappella mid-deċiżjoni.

Fil-Brażil, il-membri tal-Kabinett jistgħu jkunu investigati biss mill-Qorti Suprema u mhux mill-qrati federali.

Lula da Silva qed ikun investigat b’konnessjoni ma’ skandlu storiku li jinvolvi tixħim u korruzzjoni fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż. Il-prosekuturi, il-ġimgħa l-oħra, kienu ressqu akkużi fil-konfront ta’ Lula rigward ħasil ta’ flus u frodi, bl-eks-President qed jiċħad għal dawn l-akkużi bħala infondati.

Sigħat ilu kien hemm protesti kbar fil-Brażil wara li ħareġ pubbliku recording ta’ telefonata bejn il-President Dilma Rousseff u Lula da Silva. It-telefonata ssuġġeriet li Rousseff ħatret lil Lula bħala membru tal-Kabinett tagħha biex hu jevita li jispiċċa arrestat għal korruzzjoni.

Lula hu membru-fundatur tal-Partit tal-Ħaddiema fil-Gvern u Rousseff iddeċidiet li taħtar lill-eks-President bħala chief of staff bit-tama li hu isalva l-Gvern bil-kapaċitajiet politiċi tiegħu. Dan meta Rousseff qed tikkumbatti impenn għal impeachment fi żmien meta l-Brażil qed jegħreq f’riċessjoni minbarra li qed jiffaċċja skandlu ta’ korruzzjoni storiku konness mal-kumpannija taż-żejt tal-Istat , Petrobras.

Ftit wara l-ħatra ta’ Lula (li spiċċat imblukkata), l-Imħallef federali, Sergio Moro, li qed imexxi investigazzjoni dwar l-iskandlu ‘Petrobras’, ħareġ direttiva biex il-kontenut tat-telefonata rrekordjata mill-pulizija (li jissuġġerixxi ‘aġir għal skop dubbjuż’) joħroġ fil-pubbliku.

Rousseff kienet ċemplet lil Lula (li kellu t-telefon suġġett għal tracking) biex tinfurhah li kellha tibgħatlu d-digriet uffiċjali li jinnominah chief of staff ħalli hu jagħmel użu mill-kariga ‘f’każ li jkun neċessarju’.