Sport Sport Ieħor

Riżultati pożittivi f’Berlin mill-għawwiema ta’ Sirens

Bejn il-5 u 7 ta’ Marzu, 23 għawwiem min-Nursery ta’ Sirens ASC ħadu sehem f’ISM Meet f’Berlin flimkien ma’ 106 timijiet oħra ġejjin minn 27 pajjiż differenti.  Dan l-International Swimming Meet ta’ livell Olimpiku rikonoxxut mill-FINA inżamm fuq jumejn fil-famuż Europasportpark. 1400 atleta u għadd sabiħ ta’ kowċis, ġenituri u spettaturi ħolqu atmosfera kompetittiva li għenet ħafna biex l-għawwiema Maltin imorru tajjeb.

L-ewwel mill-Maltin li ħalliet impressjoni tajba kienet Emily Grech Carr, ta’ 11-il sena, li qaċċtet 4 sekondi mill-ħin personali tagħha meta għamlet il-50m Butterfly fi 39.28.  Kien imiss imbagħad lil Kyra Debono, Jessica Powell u Sasha Gatt li lkoll marru tajjeb ħafna.

Is-subien ukoll kellhom ħinijiet tajbin.  Benjamin Scerri, Matthew Zammit, Andrea Mallia u Rudi Spiteri lkoll tejbu l-ħinijiet personali tagħhom.  Mhux hekk biss iżda Spiteri u Mallia spiċċaw l-ewwel fil-heats rispettivi tagħhom.

Fit-tieni jum kien imiss lil Leah Tanti li tikseb suċċess.  Fil-50m Freestyle kellha ħin ta’ 29.80 biex imbagħad għamlet il-50m Breaststroke fi 36.00, tejbet il-ħin personali u kisbet post fil-finali tal-age group tagħha.  Jeremy Bugeja fil-50m Freestyle  u Michael Umnov fil-100m Butterfly ukoll daħlu għall-finali.

Fil-finali għall-bniet 2003 Leah Tanti spiċċat fid-9 post mal-aqwa għawwiema tal-Ewropa.  Jeremy Bugeja ukoll spiċċa fid-9 post b’ħin ta’ 25.65 filwaqt li Michael Umnov kiseb it-8 post f’tiġrija li kellu jikkompeti miegħu lil Lazlo Czech għawwiem Olimpiku Ungeriż.

Benjamin Scerri, ta’ 12-il sena kellu inċident memorabbli.  Ft-tiġrija tal-100m Freestyle kien innotat tluq difettuż u t-tellieqa kellha terġa’ tibda mill-ġdid.  Benjamin ma ntebaħx b’dan u għam id-distanza kollha waħdu fost iċ-ċapċip u l-ammirazzjoni ta’ kulħadd.  Żgur li jibqa’ jiftakarha għax dakinhar naqqas l-aħjar ħin personali tiegħu b’4 sekondi!

Dawn huma l-kummenti tal-Head Coach ta’ Sirens Daniela Deguara Gatt: “L-għawwiema kollha marru tajjeb ħafna.  Kollha kemm huma. U dan meta kellna tnejn li xejn ma kienu f’sikkithom u riedu jikkompetu.  M’hemmx iktar xi ngħid.  Ilkoll kemm aħna bqajna impressjonati bid-dedikazzjoni u d-determinazzjoni tagħhom u meta tieħu inkonsiderazzjoni il-kobor u l-livell ta’ dan il-meet ma tistax ma tħossokx kburi bl-atleti żgħar tagħna.’