Lokali Unjoni Ewropea

Tonio Borg nominat għall-Bord tal-Assoċjazzjoni Medika Ewropea

L-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg kien nominat biex iservi fil-Bord tal-Assoċjazzjoni Medika Ewropea. In-nomina ntlaqgħet pożittivament mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa u mill-Koordinatur tal-Partit Popolari Ewropew għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u l-Ikel Peter Liese.

L-Ewroparlamentari Malti David Casa qal li bħala Kummissarju Ewropew, Tonio Borg wettaq dak li wiegħed b’mod integru. Sostna li Borg għad għandu ħafna x’joffri lis-servizz pubbliku, anke f’livelli Ewopej, tant li n-nominazzjoni tiegħu hi xhieda ta’ dan.

Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Peter Liese qal li bħala Kummissarju Ewropej, Tonio Borg kiseb fiduċja kbira, b’din in-nomina tixhed u tikkonferma dan. L-Assoċjazzjoni Medika Ewropea hi organizzazzjoni ta’ servizz bl-iskop li ttejjeb il-kwalità tal-kura u tas-saħħa, filwaqt li żżid it-trasparenza, il-kollaborazzjoni u l-mobbiltà.

Bħala Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Tonio Borg intoduċa d-Direttiva Ewropea dwar il-prodotti tat-tabakk, filwaqt li fl-2014 l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tatu Ċertifikat ta’ Apprezzament bħala rikonoxximent għall-kontribut li ta fil-kontroll tat-tabakk.