Edukazzjoni Lokali

Alfred Vella maħtur ir-Rettur il-ġdid tal-Università ta’ Malta

Il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta Alfred Vella ntagħżel bħala r-Rettur il-ġdid u se jkun qed jieħu post Juanito Camilleri. L-aħbar kienet ikkonfermata llejla wara li rapporti li ħarġu matul il-jum qalu d-Dekani tal-Fakultajiet kollha fl-Università qablu bejniethom li jappoġġjaw lil Vella.

Fil-bidu tal-proċess, hu kien kontestat minn Tanya Mifsud Bonnici, li hi l-Kap tal-Marketing fil-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy. Madankollu, ir-rapporti qalu li din irtirat il-kontestazzjoni tagħha. Kontestant ieħor kien il-Professur tas-Soċjoloġija Godfrey Baldacchino.

Minbarra li serva għal xi żmien bħala Pro-Rettur, Alfred Vella hu wkoll Professur tal-Kimika. Id-Dekani kienu kkwotati jgħidu li l-għażla waqgħet fuqu biex jaraw li jkun hemm kontinwità, filwaqt li jkunu konsolidati d-diversi inizjattivi li nbdew fl-Università taħt it-tmexxija ta’ Juanito Camilleri.

Il-Professur Vella twieled f’Bormla f’Novembru 1950. Iggradwa B.Sc. fl-1971 u M.Sc. fl-1975 mill-Università ta’ Malta u ngħata Ph.D. fil-Ġeokimika Organika fl-1984 mill-Colorado School of Mines. Hu daħal jaħdem fl-Università ta’ Malta fl-1987 u llum jgħallem u jirriċerka l-aktar fil-qasam tal-Kimika Ambjentali. Ippubblika fost l-oħrajn ‘papers’ fuq il-Kimika Ambjentali u Xjenza tat-Tniġġiż u l-Ġeokimika tal-Petroleum f’ġurnali xjentifiċi internazzjonali.

Il-Professur Vella serva għal ħafna snin bħala Kap tad-Dipartiment tal-Kimika u bejn l-1997 u 2007 kien ukoll id-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza. F’Lulju 2006, hu nħatar bħala Pro-Rettur għall-Affarijiet Akkademiċi.

Minbarra x-xogħol tiegħu fl-Università, il-Professur Vella ta’ spiss jagħti servizz bħala Espert Forensiku lill-Qrati Maltin f’inkjesti, kif ukoll jitqabbad bħala Konsulent fuq materji xjentifiċi minn korpi statali u mill-privat. Il-Professur Vella jservi wkoll fuq il-Bord tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, kif ukoll l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u anke jidderieġi l-Awtorità Nazzjonali tal-Organization for the Prohibition of Chemical Weapons.

Il-Professur Vella jieħu l-ħatra fl-1 ta’ Lulju 2016.

Intant fi stqarrija ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia f’isem il-Partit Nazzjonalista awgurat lill-Profs Alfred Vella wara li ġie elett Rettur tal-Università ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista sellem ukoll lill-Profs Godfrey Baldacchino li kkandida ruħu għal Rettur tal-Università ta’ Malta.

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li kien qiegħed jieħu din l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-Profs Juanito Camilleri li għal snin twal ta’ servizz bħala Rettur tal-Università ta’ Malta, u għat-twettiq ta’ viżjoni li ġabet l-Università ‘l quddiem u li se jibqa’ fil-kariga sa Ġunju li ġej.

Intant anke l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo,fi stqarrija, awgura lil Professur Alfred Vella wara l-vot tal-bieraħ tal-Kunsill tal-Università.