Internazzjonali

Ftehim bejn l-UE u t-Turkija dwar l-immigrazzjon

epa05218535 Turkish Prime Minister Ahmet Davutoglu (L) and European Council President Donald Tusk (R) shake hands during a meeting on the second day of the European Union leaders summit in Brussels, Belgium, 18 March 2016. EU leaders met to discuss a deal with Turkey that is aimed to tackle the migration crisis and curb migration into the bloc. EPA/OLIVIER HOSLET

L-Unjoni Ewropea laħqet ftehim mat-Turkija dwar l-immigrazzjoni waqt summit ta’ jumejn fi Brussell, ftehim li jfisser li l-immigranti li minn nhar il-Ħadd jiżbarkaw fl-Unjoni Ewropea se jibdew jintbagħtu lura lejn it-Turkija.
Il-ftehim intlaħaq wara taħditiet bejn Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Ahmet Davutoğlu, il-Prim Ministru Tork, bil-Prim Ministru Finlandiż Juha Sipilä mbagħad iħabbar li kien hemm ftehim.
Bi tpattija għad-deportazzjoni tal-immigranti, it-Turkija se tingħata konċessjonijiet finanzjarji u politiċi, fosthom li jibdew id-diskussjonijiet dwar is-sħubija tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea bil-wegħda li negozjati dwar kapitlu wieħed isiru qabel Lulju.
L-UE qablet ukoll li tħaffef il-pass għall-ħlas ta’ tliet biljun ewro lit-Turkija, flus intenzjonati biex igħinu lir-refuġjati Sirjani fit-Turkija.
It-Turkija wegħdet li n-nies kollha li jintbagħtu lura fiha se jkunu stmati skont il-liġijiet internazzjonali, fosthom il-garanzija li mhux se jintbagħtu lura lejn il-pajjiż minn fejn ħarbu.
Il-ftehim hu wieħed kontroversjali b’diversi organizzazzjonijiet umanitarji jikkritikawh għax aktarx imur kontra l-liġi internazzjonali. Il-qofol ta’ dan il-ftehim hu li għal kull Sirjan li se jintbagħat lura lejn it-Turkija, Sirjan fit-Turkija se jingħata kenn fl-Ewropa.
Imma n-numru ta’ Sirjani li jistgħu jingħataw kenn fl-Ewropa minn 108,000 persuna issa tniżżel għal 72,000 persuna kull sena. Dawn se jitqassmu bejn il-pajjiżi tal-UE u ladarba tinqabeż iċ-ċifra ta’ 72,000 persuna, l-iskema titwaqqaf.