Rapport li rċeviet l-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tinvestiga l-allegat użu ta’ splussivi ħalli titwessa’ mina naturali fid-Dwejra għadu miftuħ, tant li issa ġie mgħoddi lill-Pulizija għall-investigazzjoni.
Kienet l-għaqda ambjentali Nature Trust Malta li fis-7 ta’ Marzu li għadda rrappurtat mal-MEPA li kienet irċeviet rapporti minn sidien ta’ dgħajjes u luzzijiet li jużaw l-Inland Sea tad-Dwejra, li setgħu ġew użati xi splussivi biex il-mina naturali fil-blat titwessa’.
Minn taħt l-arkata tal-mina, bħalissa, diġà jgħaddu dgħajjes ta’ daqs żgħir li mill-Inland Sea joħorġu fil-baħar miftuħ. Madankollu, il-mina naturali fil-blat mhijiex kbira biżżejjed biex jgħaddu dgħajjes akbar jew biex jgħaddu, pereżempju, żewġ dgħajjes maġenb xulxin.
Din tista’ tkun waħda mir-raġunijiet li minħabba fiha allegatament intużaw splussivi ħalli titwessa’ l-mina.
Fi stqarrija, il-MEPA kkonfermat dan u qalet li ftit tal-ġimgħat ilu bdiet tinvestiga l-każ. Skont l-Awtorità, l-azzjoni fuq il-blat bl-użu aktarx ta’ materjal splussiv, ittieħdet fuq ġewwa tal-mina bl-iskop li tinqata’ parti mill-formazzjoni tal-blat.
Skont il-MEPA, minħabba n-natura tiegħu, il-każ ġie rappurtat lill-Pulizija biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa min-naħa tagħhom. L-Awtorità qalet ukoll li hi infurmata li qed issir Inkjesta Maġisterjali.
//= $special ?>

