Eluf ta’ devoti madwar Malta u Għawdex illejla jinġabru fit-toroq biex ifakkru l-Festa devota tad-Duluri, b’diversi Parroċċi jorganizzaw il-Purċissjoni tradizzjonali bix-xbieha ta’ Marija Addolorata.
Bħal kull sena, il-Purċissjonijiet jiġbdu lejhom folol kbar jimxu wara l-vara tad-Duluri, bl-akbar qima u fil-ġabra tat-Talb. Oħrajn jimxu wara d-Duluri biex iwettqu l-wegħdi tagħhom.
Jingħad li din it-tifkira tad-Duluri bdiet fis-Seklu 15 fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne. Fil-bidu tas-Seklu 17, din id-devozzjoni qabdet fi Franza u kien il-Papa Benedittu 13 li fit-22 ta’ April 1725 ordna li din il-Festa kellha tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Minn hawn, kompliet tinxtered dejjem aktar din il-qima lejn id-Duluri.
Meta fl-1814, il-Papa Piju 7 wettaq riforma fil-Kalendarju Liturġiku, hu rregistra d-data tal-15 ta’ Settembru bħala jum it-Tifkira ta’ Marija Addolorata.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ Fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna. L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Ghaxaq fl-1684. Fil-Belt insibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765, filwaqt li fil-Mosta twaqqfet fl-1886.
Din iċ-ċelebrazzjoni tad-Duluri tagħti bidu għall-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, li jkomplu l-Ħadd bil-Festa ta’ Ħadd il-Palm u li jilħqu l-qofol tagħhom f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.