Internazzjonali

Ippruvat tisraq it-trabi minn sptarijiet fi Spanja

Il-Pulizija fi Spanja arrestaw mara li hi akkużata b’li ppruvat tisraq ħamest itrabi minn żewġ sptarijiet differenti, f’anqas minn tmien sigħat. Qed ikun allegat li l-mara ta’ 21 sena kienet libset l-uniformi ta’ infermiera bl-iskop li twettaq ir-reati.

Il-mara nqabdet wara li waqqafha l-missier ta’ tarbija li kienet għadha kemm titwieled u meta hi ippruvat toħroġ liċ-ċkejkna minn sala ta’ sptar, f’Valencia, bl-iskuża li t-tarbija kellha tgħaddi minn ‘proċedura medika’. Il-mara, li ma ssemmietx , ħarbet iżda nstabet f’toilet tal-isptar fejn kienet daħlet tistaħba u fejn iddisponiet mill-uniformi tal-infermiera li nstabet li kienet finta. Sar magħruf ukoll li l-mara falliet f’żewġ attentati oħra biex taħtaf it-trabi mill-isptar inkwistjoni.

Aktar ‘il quddiem, il-pulizija saret taf li l-mara, aktar kmieni fil-jum, anki ppruvat taħtaf żewġt trabi li kienu għadhom kemm twieldu minn ġo ċentru mediku fl-inħawi ta’ Cartagena. Mifhum li l-każi kollha seħħew f’perjodu ta’ tmien sigħat, nhar il-Ħadd li għadda.

Skont ir-rapporti, il-mara – li kienet interrogata mill-pulizija — kellha titressaq quddiem Imħallef waqt li l-pulizija qed tinvestiga jekk hi aġixxietx waħedha inkellha jekk setgħetx kellha l-kompliċi.