Lokali

Janice Bartolo tinfexx f’attakk kontra l-media indipendenti

Ir-reporter tal-media Laburista Janice Bartolo dalgħodu nfexxet f’attakk kontra l-media indipendenti għax, skont hi, kellhom jiddedikaw il-faċċata lill-istorja li għaddejja bħalissa fuq il-media Laburista.

Dwar din l-istorja, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami diġà fetaħ libell kontra l-media tal-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri.

Fuq Facebook, Bartolo ppubblikat ritratt tal-faċċati ta’ The Malta Independent u The Times of Malta. Dwar dawn il-ġurnali, hi qalet li l-istejjer maħruġa mill-Partit Laburista qishom “mhux daqshekk newsworthy”.

Min-naħa l-oħra, hi sejħet l-istejjer relatati ma’ Panamagate bħala akkużi ta’ korruzzjoni “b’argumenti mhux sostanzjati”. Dan minkejja li kemm id-Deputat Mexxej Laburista u Ministru Konrad Mizzi, kif ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri diġà ammettew li għandhom kumpaniji fil-Panama.

Iżda li esponenti tal-Partit Laburista jattakkaw lill-media u lill-opinjonisti indipendenti mhijiex xi ħaġa ġdida. Fl-aħħar minn sensiela ta’ attakki, diversi Uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru attakkaw lill-preżentatur Salvu Mallia talli esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod kif qed imexxi l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dwar dan, Glenn Bedingfield, il-Konsulent tal-Prim Ministru, kien attakka direttament lil Mallia meta għajjru “pompuż” u “muntatur”.