Internazzjonali

Konfermat l-arrest ta’ Salah Abdeslam

Abdeslam Salah, pariġi paris franza france

Il-Ministru tal-Ġustizzja Belġjan konferma li l-Pulizija Belġjani rnexxielhom jarrestaw lil Salah Abdeslam, l-unika terrorista li rnexxielu jaħrab wara l-attakki ta’ Pariġi tas-sena li għaddiet. Hu nqabad wara sparatura f’Molenbeek, subborg ta’ Brussell u matul ir-rejd hu kien ndarab. Molenbeek kien lok ta’ ħafna rejds wara l-attakki f’Novembru tas-sena li għaddiet peress li ħafna terroristi li ħadu sehem fl-attakk kienu bażati hemm u kien ilu minn dakinhar imfittex mill-Pulizija tal-Ewropa.
Salah irnexxielu jaħrab għal darb’oħra waqt ir-rejd li sar nhar it-Tlieta u li fih terrorista li fetħet in-nar kontra l-Pulizija nqatlet. L-arrest ta’ Saleh tħabbar ftit wara li l-investigaturi ħabbru li fl-appartament li fih sar rejd din il-ġimgħa f’subborg tal-kapitali Brussell, instabu l-marki tas-swaba’ tiegħu.
Saleh, li għandu 26 sena, hu suspettat li kien eskorta t-tlieta li wettqu l-attakki suwiċida f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru fl-iStade de France
Hu suspettat ukoll li hu kien qed jippjana attakk suwiċida ieħor f’Pariġi imma dan ma seħħx. Ħuh sploda lilu nnifsu f’bar f’Boulevard Voltaire waqt l-attakki.