Lokali

Konfużjoni fit-tmexxija għax Toni Abela jidher li għadu ma rriżenjax

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista - Mill-Arkivji

Il-Partit Laburista jibqa’ ma jweġibx dwar is-sitwazzjoni konfuża fit-tmexxija u l-futur ta’ Toni Abela.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ministru Chris Cardona u Ian Castaldi Paris irrepetew l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, Cardona stieden għal mistoqsijiet dwar is-suġġett biss.

Madankollu, il-ġurnalisti kienu nteressati fis-sitwazzjoni interna fil-Partit Laburista wara li Toni Abela m’għaddiex mill-vot tal-Parlament Ewropew, filwaqt li jidher li għadu ma rriżenjax minn Deputat Mexxej Laburista. Dan minkejja li l-Partit Laburista diġà ħatar lill-Ministru Konrad Mizzi minflok Toni Abela.

Il-Ministru Chris Cardona ħarab milli jwieġeb u rrefera għal stqarrija li ħareġ il-Partit Laburista x-xahar li għadda. Kif ra li ħadd mill-ġurnalisti ma ried jistaqsi dwar l-allegazzjonijiet kontra Beppe Fenech Adami, Cardona temm ħesrem il-konferenza tal-aħbarijiet.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Chris Cardona għandu jispjega għaliex hu l-uniku Deputat Laburista li qed joħroġ għonqu u jiddefendi lil Joseph Muscat u Keith Schembri.