It-terroristi tal-ISIS, fi tliet xhur biss, tilfu kważi għaxra fil-mija tat-territorji li qegħdin jokkupaw fl-Iraq u s-Sirja. Dan skont analiżi ġdida li għadha kemm kienet ippubblikata.
L-ISIS, s’issa, kien kostrett li jirtira minn 22 fil-mija tal-artijiet li kien ħataf (zona ta’ territorju li fiha daqs l-Ingilterra) mill-bidu tal-2015. Fl-aħħar xhur, it-terroristi spiċċaw mira tal-qawwiet tal-ajru ta’ koalizzjoni multi-nazzjonali, minbarra li suġġetti wkoll għal offensivi tal-art mill-alleati tal-koalizzjoni.
Statistika ġdida turi li l-ajruplani tal-koalizzjoni, matul ix-xahar li għadda, waddbu l-inqas bombi fuq miri tal-ISIS, minn Ġunju. Dan jissuġġerixxi li l-ġellieda tal-ISIS qed jintlaqtu wkoll minn fatturi oħrajn, fosthom nuqqas ta’ introjtu u reklutaġġ anqas ta’ membri.
L-analizi mill-kumpannija IHS Conflict Monitor sabet li l-ISIS tilef madwar tmienja fil-mija tat-territorju li kien qed jokkupa mill-bidu tal-2016 u ’14 fil-mija ta’ art oħra’ bejn l-Ewwel ta’ Jannar u l-15 ta’ Diċembru tal-2015.
Columb Strack, analista ewlieni, qal li ‘l-gwerra tidher li qalbet kontra l-ISIS li qed jispiċċa dejjem aktar iżolat, fost indikazzjonijiet li l-grupp qiegħed jitlef mis-saħħa’.
//= $special ?>