Lokali

Malta b’petrol ogħla minn 22 pajjiż tal-UE

Il-prezz tal-petrol f’Malta din il-ġimgħa jpoġġi lill-pajjiż bħala dak b’petrol ogħla minn kif qed jinbiegħ fi 22 pajjiż ieħor tal-UE.

Il-prezz li kellha Malta din il-ġimgħa kien ogħla minn dak tal-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija.

Fil-Bulgarija, il-Latvja, il-Polonja u fir-Repubblika Ċeka l-prezz tal-petrol kien qed jinbiegħ taħt l-€1 kull litru, b’dak fil-Bulgarija jkun ta’ 90.6ċ kull litru jew 41.4ċ kull litru, jew 31.4%, orħos milli f’Malta.

Fejn jidħol id-diesel, il-prezz f’24 pajjiż ieħor tal-UE kien orħos minn dak f’Malta. Dawn kienu l-istess pajjiżi bil-petrol orħos milli f’Malta ħlief ir-Renju Unit, imma jinkludu lid-Danimarka, l-Olanda u l-Portugall. Saħansitra f’għaxar pajjiżi minnhom id-diesel qed jinbiegħ taħt l-€1 kull litru, b’dak fil-Bulgarija jinbiegħ b’86ċ kull litru jew 36ċ kull litru orħos milli f’Malta jew 29.5%.

Il-Malta Automobile Club qed jibqa’ jinsisti li m’għandhiex tkun l-Enemed, bħala kumpanija tal-istat, li tixtri, taħżen u tbiegħ l-petrol u d-diesel f’Malta filwaqt li staqsa x’inhi tistenna biex traħħas il-prezzijiet almenu għal dawk medja fl-UE. Qed jistaqsi wkoll x’inhu jżomm lill-Enemed milli tippubblika n-notifiki tax-xiri tagħha fuq it-Tenders and Electronic Daily tal-UE.

Il-klabb fakkar li disa’ snin ilu, fis-16 ta’ Marzu tal-2009, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livell ta’ dak tal-lum, il-petrol f’Malta kien jinbiegħ €1.04 kull litru waqt li d-diesel kien jinbiegħ 94ċ kull litru.