Wara li Toni Abela ma ġiex approvat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri mill-Kumitat tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista qed jiffaċċja problema kbira dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit.
Filwaqt li t-triq għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri għadha mhix magħluqa għal kollox, u l-Gvern Malti jista’ jibqa’ jinsisti fuq in-nomina tiegħu, Toni Abela ma jidhirx li għandu l-intenzjoni jkompli f’din it-triq wara l-vot negattiv tat-Tlieta li għadda.
Madankollu, issa qed iqumu mistoqsijiet dwar jekk Toni Abela attwalment irriżenjax mill-kariga ta’ Deputat Mexxej Laburista. Meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti fi Brussell eżatt wara l-vot, Toni Abela irreferihom għall-istqarrija li ħareġ il-Partit Laburista fl-1 ta’ Frar li għadda.
L-istess għamel il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef meta kien mistoqsi mill-ġurnal The Times.
L-istqarrija maħruġa mill-Partit Laburista kienet tgħid li l-Eżekuttiv Laburista approva l-proposta tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat li l-elezzjoni ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tkun miftuħa wkoll għall-Membri Parlamentari. Dan witta t-triq għan-nomina u l-elezzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi.
L-istqarrija kienet tgħid ukoll li l-persuna eletta tidħol fil-kariga ladarba Toni Abela jirriżenja mill-kariga ta’ Deputat Mexxej. Għaldaqstant il-mistoqsija fuq fomm kulħadd hi jekk Toni Abela irriżenjax minn Deputat Mexxej jew le.
Fil-25 ta’ Frar li għadda, id-Delegati Laburisti ħatru lil Konrad Mizzi bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Madankollu, mhux magħruf jekk Konrad Mizzi effetivament bediex fil-kariga għax, hekk kif għadu mhux magħruf jekk Toni Abela irriżenjax.
//= $special ?>

