Grupp ta’ Ministri mill-UEt sejħu biex il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi sett ġdid ta’ regoli li jtejbu politika fl-interess tal-annimali (animal welfare). Dan waqt li stħarriġ madwar l-Unjoni Ewropea qed jirrifletti tħassib akbar fost iċ-ċittadini tal-UE dwar it-trattament ta’ annimali tal-merħla.
Martijn van Dam, il-Ministru Olandiż għall-Agrikultura, qal li ‘l-baqar, il-ħnieżer u l-flieles mhumiex entitajiet għall-produzzjoni iżda kreaturi li jaraw, jisimgħu u jħossu’.
Dan il-Ministru, li kien qed jindirizza seminar fil-Parlament Ewropew, insista wkoll li dawn l-annimali ‘għandhom id-dritt għal aktar kura u protezzjoni’.
Martijn van Dam u kollegi mill-Iżvezja, il-Belġju u l-Ġermanja talbu lill-Kummissjoni tal-UE biex tikteb strategy paper ġdid dwar politika li tħares lill-annimali. Dan wara li d-dokument relatat antik skada fl-aħħar tal-2015.
Il-Ministru Ben Weyts, kollega ta’ Van Dam mir-reġjun Belġjan ta’ Flanders, qal li l-pjan ġdid għandu anki jinkludi regoli għall-protezzjoni ta’ annimali domestiċi ( pets). Hu issuġġerixxa biex l-għodda għar-reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi jkunu standardizzati madwar l-Ewropa bħala sistema li tikkumbatti kummerċ illegali ta’ ġriewi u qtates frieħ.
Weyts innota li ċ-ċittadini Ewropej jimpurtahom ħafna mill-ġid tal-annimali u sostna li ma jistax jifhem għalfejn id-deputati fi Brussell mhumiex jagħmlu aktar f’dan il-qasam, peress li ‘din tkun possibbiltà perfetta biex jippreżentaw ruħhom dawk il-protagonisti favur l-integrazzjoni Ewropea.’
Sejħa għal regoli ġodda tal-UE fl-interess tal-annimali
