Lokali

Skiet minn Muscat u Keith Schembri wara l-Affidavit tal-eks Direttur tal-Artijiet

L-Affidavit tal-eks Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet Carmel Camilleri dwar l-Iskandlu Gaffarena jpoġġi dubji kbar dwar jekk l-indħil dirett fl-iskandlu ġiex minn xi ħadd aktar ‘il fuq mill-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li ġimgħa u nofs wara l-Affidavit, Joseph Muscat u Keith Schembri, iż-żewġ persuni li jmexxu u jieħdu d-deċiżjonijiet f’Kastilja, għadhom ma lissnu l-ebda kelma.

Jason Azzopardi fakkar ukoll kif waqt il-programm Xarabank, l-eks Segretarju Parlamentari qal li “qed jerfa’ s-salib ta’ ħaddieħor”. Dan il-kumment iqajjem mistoqsijiet dwar min verament indaħal biex Gaffarena jsir multi-miljunarju mil-lejl għan-nhar.

Ix-Shadow Minister kompla li jekk il-Gvern verament irid jiġġieled il-korruzzjoni, għandu juża’ l-Liġi tal-Whistleblower li tant jiftaħar biha biex jinqabad min ħa d-deċiżjonijiet fid-deals jintnu ma’ Gaffarena.

Barra minhekk, hekk ukoll il-Liġi dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, li tagħti diskrezzjoni lill-Avukat Ġenerali jeżenta kwalunkwe persuna minn proċeduri kriminali ħalli tixħet dawl u tikxef dak li taf.

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ivan Bartolo qal li dan l-iskandlu wassal għal investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali, li sab li kien hemm konfoffa ma’ Gaffarena biex ħa dak li ħa.

Sostna li dak li ħareġ mill-Affidavit ta’ Carmel Camilleri juri biċ-ċar li kien hemm interess partikolari li d-deal ma’ Gaffarena jsir, speċjalment bil-fatt li l-pressjoni fuq l-Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet kienet kontinwa u ta’ natura politika.