Ambjent Lokali

BirdLife Malta tappella lil gvern sabiex iwaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa darba għal dejjem

Waqt konferenza stampa indirizzata mill-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima u s-CEO ta’ l-istess għaqda Mark Sultana l-għaqda ikkritikat il-ftuħ ta’ staġun ieħor tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema, u stqarret li l-Gvern qiegħed jinjora l-evidenza xjentifika li qed turi li l-Gamiema hi fi stat ‘vulnerabbli’, hekk kif rikonoxxut mill-IUCN (International Union for the Conservation of Nature). Il-fatt li l-Gamiem fl-Ewropa naqas bi 30% fuq perjodu ta’ 15-il sena hu fatt xjentifiku li ħadd ma jista’ jiċħdu.

Matul il-konferenza stampa quddiem l-Uffiċju tal-Prim Ministru, il-BirdLife Malta stqarret li l-gvern ma għandux jissottovaluta l-implikazzjonijiet li jinjora l-istatus serju u vulnerabbli tal-gamiema bil-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Hija ħasra li dan qed iseħħ minħabba pressjoni minn dawk li jixtiequ jkomplu bil-kaċċa fir-rebbiegħa għall-interessi tagħhom. Il-BirdLife innutat ukoll kif din id-deċizjoni tmur lill’hinn minn okkażjonijiet singulari fejn il-Prim Ministru wera rieda li jindirizza il-kaċċa illegali.

BirdLife Malta spjegat li l-gamiem tal-Ewropa li jpassi minn fuq il-gżejjer Maltin fir-rebbiegħa jkun fl-aħħar parti ta’ vjaġġ twil lejn id-destinazzjoni finali fejn ikun se jbejjet. Dawn ikunu l-aktar għasafar b’saħħithom magħżulin min-natura, u għalhekk hu kruċjali li nħalluhom ipassu b’mod liberu u sigur. Din hija r-raġuni għalfejn il-qtil tal-gamiem fir-rebbiegħa mhuwiex sostenibbli sostniet BirdLife Malta. Malta hi l-unika pajjiż fl-Ewropa li jikkaċċja l-gamiem fl-istaġun tar-rebbiegħa saħqet l-għaqda.

BirdLife Malta fissret kif il-qtil tal-gamiem fir-rebbiegħa se jkompli għaddej bla forma ta’ kontroll serju, kif ġara fis-snin ta’ qabel.

BirdLife Malta stqarret li meta l-Gvern jieħu deċiżjonijiet purament b’konsiderazzjonijiet politiċi, jista jkun li wasal iż-żmien sabiex nesploraw il-possibilita’ ta’ referendum ieħor.

BirdLife Malta hija ċerta li l-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta xi darba jew oħra se tispiċċa darba għal dejjem. Dan jista’ jseħħ għal żewġ raġunijiet – jew għax ikomplu jonqsu n-numri tal-gamiem, jew inkella għax il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni kontra d-deroga. BirdLife Malta temmet tgħid li dawn, it-tnejn, huma xenarji koroh u allura ħeġġet lill-Gvern biex ikollu l-kuraġġ hu li jwaqqaf din il-prattika darba għal dejjem.

Intant fi stqarrija aktar tard il-Wild Birds Regulation Unit saħaq li dak li qalet l-għaqda BirdLife Malta kien skorett. L-istqarrija tispjega li l-gvern dejjem ta’ widen għal pariri xjentifiċi u d-deċiżjonijiet tal-gvern bl-ebda mod ma’ jmorru kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-IUCN. L-istqarrija sostniet li l-Wild Birds Regulation Unit fl-istess ħin jirispetta d-dritt ta’ BirdLife Malta li tikkritika d-deċiżjonijiet u li tikkampanja għal abbolizzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa.