Deal li sar minn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi
Il-Konfederazzjoni Maltija ta’ Trade Unions, is-CMTU fi stqarrija ħabbret il-pożizzjoni tagħha dwar il-privatizazzjoni ta’ l-isptarijiet ta’ Għawdex, Karen Grech u San Luqa; pożizzjoni li kienet approvata waqt laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali tas-CMTU.
Is-CMTU qalet li hija kienet qiegħda tappoġġja il-pożizzjoni taż-żewġ unions affilljati, Assoċazzjoni Medika Maltija (MAM) u UĦM Voice of the Workers li qegħdin jitolbu li qabel ma jiġu ffirmati b’mod definittiv ftehim fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u professjonisti u fuq l-operat ta’ l-isptarijiet li sejrin jgħaddu f’idejn sidien privati għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet essenzjali.
L-istqarrija tas-CMTU tgħid li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma li mill-aktar fis possibbli jiġu ppubblikati u mqgħeda fuq il-mejda tal-kamra tad-Deputati, il-ftehim kollha bejn il-Gvern ta’ Malta u dawn l-intraprendituri barranin li saru s’issa u li għad fadal biex jiġu ffirmati u li jsir u jiġi konkluż fl-iqsar żmien possibbli eżerċizzju ta’ awditjar indipendenti fuq il-ftehim kollha semmija bejn dawn iż-żewġ partijiet mill-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali u li dan ir-rapport juri b’mod ċar li kollox sar bid-diliġenza dovuta fl-interess tal-ħaddiema u l-poplu Malti li ser ikun jista’ jinqeda tajjeb f’dawn lisptarijiet fil-futur.
Is-CMTU qalet li ukoll li biex tkun konsistenti mal-prinċipji tagħha taqbel li ż-żewġ affiljati tagħha lesti jissottomettu l-abbozzi tal-ftehim rispettivi tagħhom f’isem il-ħaddiema għall-iskrutinju tal
-Parlament u l-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Awditur. B’hekk, dan il-ftehim ikun jista’ jservi ta’ serħan tal-moħħ lill-poplu kollu kif ukoll ta’ eżempju ta’ governanza tajba għall-ftehim simili oħra fil-futur itemm tgħid is-CMTU.
Is-CMTU fl-istess stqarrija qalet li tinnota b’sodisfazzjon li ġew irtitrati l-avviżi legali li kienu jeżentaw il-bini ta’ sptarijiet minn sotto-missjoni ta’ applikazzjoni għall-permessi ta’ ppjanar.
Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista nnota l-istqarrija tas-CMTU dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa.
Il-Partit Nazzjonalista qal li ilu numru ta’ xhur jinsisti li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi jippubblikaw il-kuntratti li ffirmaw, mhux biss dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, iżda anke ta’ deals oħra li għamlu f’setturi oħra, fosthom dak tal-enerġija u ż-żejt. Dan minbarra l-fatt li fil-Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil insista l-kuntratti kollha li fihom kienu nvoluti Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jiġu investigati.
Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom ħafna xi jwieġbu ttemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>