“L-ebda union ma tiffirma ftehim kollettiv biex tieħu pjaċir tqiegħdu fil-libreriji. Union tiffirma ftehim sabiex issarrfu u biex il-ħaddiema jsarrfuh. Iżda għal xi raġuni jew oħra fil-Ministeru tas-Saħħa ma jiġri xejn mingħajr inkwiet. Hu l-aktar Ministeru li għandu l-problemi tiegħu u jkompli jżid il-problemi bl-attitudni tiegħu u bin-nuqqas ta’ manniġjar ta’ kif isiru l-affarijiet.”
Kien dan il-kliem iebes fl-Editorjal tal-UĦM Voice of the Workers, fejn intqal li dan it-taħwid minn naħa tal-Gvern qed ikompli jtellef lill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, u saħansitra jtellef is-servizz pubbliku.
Fl-istess editorjal, il-UĦM Voice of the Workers tkellmet dwar kif il-Ministeru għalaq il-Memorandum of Understanding mal-General Workers Union dwar il-caring stream, u ħalla lilll-UĦM barra, meta l-istess union talbet lill-Gvern biex jiftaħ in-negozji dwar dan.
Iżda l-UĦM Voice of the Workers stqarret li l-problema hi mhux li l-gvern għalaq in-negozji mal-General Workers Union, iżda għax ħalla numru ta’ problemi warajh. Kompliet tgħid li l-prinċipju ta’ equal pay for equal work of equal value xorta għadu problema.
Skont il-UĦM: “Il-Gvern żelaq fin-niexef” li ħalla lilll-UĦM barra u ddeċieda li jibqa għaddej u jagħmel il-ftehim. Irrimarkat li hu perikoluż għad-demokrazija ta’ pajjizna li jkollna Gvern li jħossu komdu ma jsejjaħx lill-union, anke jekk din għandha d-dritt li tkun madwar il-mejda.
Il-UĦM Voice of the Workers temmet tgħid li dan il-Gvern wassal messagg ċar u tond, dak li: “inti tista’ taħdem magħna imma aħna mhux bilfors naħdmu miegħek!”
//= $special ?>

